Qorti

Niġerjan mixli bi traffikar ta’ 1.3kg droga eroina

Kyode Kola Ogunyele, Niġerjan ta’ 35 sena residenti n-Naxxar, inżamm taħt arrest preventiv wara li ġie mixli quddiem il-Maġistrat Neville Camilleri li lbieraħ u fil-jiem ta’ qabel kellu fil-pussess tiegħu aktar minn 1kg droga eroina għal skop ta’ traffikar. Hu ġie mixli li d-droga nstabet f’ċirkostanzi li ma kinitx għall-użu personali tiegħu, kif ukoll li r-reat seħħ f’distanza ta’ 100m minn skola jew post fejn jiltaqgħu ż-żgħażagħ.

Il-Pulizija mill-Iskwadra ta’ Kontra d-Drogi lbieraħ arrestaw lin-Niġerjan fin-Naxxar stess u qalu li kien qed jittraffika d-droga. L-ammont ta’ droga li nstabet fil-pussess tan-Niġerjan kien ta’ 1.3kg. Fi stqarrija, il-Pulizija qalu wkoll li n-Niġerjan ġie arrestat għall-ħabta tas-2pm fi Triq Leli Falzon u fil-pussess tiegħu kellu wkoll basket bid-droga.

Kwantità oħra ta’ sustanza simili nstabet fid-dar tiegħu. Id-droga ġiet ikkonfiskata u l-Maġistrat tal-għassa Doreen Clarke ġiet infurmata bil-każ. Hi ħatret diversi esperti biex jassistuha fl-istħarriġ. Għan-Niġerjan qed jidher l-Avukat Gianluca Caruana Curran, filwaqt li l-Prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Ispettur Nikolai Sant.