Lokali

“Partit li japprezza l-passat imma jħares ‘il quddiem”

“Jekk ma napprezzawx il-passat, kif nistgħu nifhmu fejn sejrin fil-futur?”

Din kienet il-mistoqsija li l-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil staqsa matul id-diskussjoni politika tal-Ħamis filgħaxija, bit-tema “50 sena oħra, lejn fejn sejrin?”.

Diskussjoni li rat ukoll is-sehem tal-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista għal Ħidma fil-Parlament, Mario de Marco, u li bħal dawk kollha organizzati fl-aħħar jiem, kienet parti minn sensiela ta’ attivitajiet organizzati fl-okkażjoni tal-50 sena anniversarju mill-kisba tal-Indipendenza ta’ Malta.

Iżda għal din id-diskussjoni, fost il-mistiedna kien hemm ukoll diversi uċuħ ġodda: kienu mistiedna t-12-il kandidat tal-Partit Nazzjonalista li tħabbru f’dawn l-aħħar jiem, jiġifieri Alan Abela Wadge, Simone Aquilina, Dounia Borg, Roselyn Borg, Charlene Camilleri Zarb, Charlot Cassar, Ryan Mercieca, Aaron Micallef, Angelo Micallef, Alessia Psaila Zammit, Graziella Schembri u Justin Schembri.

Fost l-ewwel kummenti tagħhom bħala kandidati ġodda tal-partit spikka l-apprezzament lejn il-passat, ir-rikonoxximent li għandhom f’idejhom kariga iebsa, il-ferħ li jiffurmaw parti minn partit li jemmen f’Malta u fis-sħubija tagħna fl-Unjoni Ewropea u l-importanza li tkun ċittadin attiv.

Min-naħa tiegħu, il-Viċi Kap, Mario de Marco, tkellem dwar il-bżonn li pajjiżna jaħseb fis-sostenibilita’ tiegħu u jinvesti fl-ekonomija tiegħu għal 50 sena li ġejjin.

Aktar dettalji, fil-filmat mehmuż.