Qorti

Raġel magħruf għar-rapporti li jagħmel lill-Pulizija jispiċċa jħebb għalihom

Slimiż ta’ 49 sena, magħruf mal-Pulizija għan-numru ta’ rapporti li jagħmel, instab ħati li wara żewġ rapporti li għamel dwar storbju, offenda lill-Pulizija meta dawn qalulu li kienu se jressquh il-Qorti. Hu mar l-Għassa tal-lokalità tiegħu b’umbrella u beda jxejjirha bil-ponta tagħha fid-direzzjoni ta’ Pulizija mara.

Fit-18 ta’ Novembru 2011, għall-ħabta tas-2am, John Farrugia ċempel l-Għassa ta’ Tas-Sliema u rrapporta li minn Cheers Bar, li jinsab ‘l isfel minn Triq Manwel Dimech, kien ġej l-istorbju. Il-Pulizija marret fil-post u sabitu magħluq. Farrugia reġa’ ċempel u din id-darba qal li minn Nappa Bar kien ġej l-istorbju tal-mużika. Għal darb’oħra, il-Pulizija marru fil-post u sabu li anke Nappa Bar kien magħluq.

Il-Pulizija għamlet l-investigazzjoni tagħha u rriżultalha li l-persuna li kienet ċemplet kien l-istess wieħed li ta’ sikwit jagħmel diversi rapporti lill-Pulizija. Mill-provi ppreżentati quddiem il-Maġistrat Ian Farrugia rriżulta li wara l-ewwel telefonata, John Farrugia nfexx jgħajjar lis-Surġent mara li kienet irċeviet it-telefonata.

Wara li seħħ dan kollu, l-Pulizija marret għand Farrugia, li joqgħod qrib l-Għassa ta’ Tas-Sliema, u nfurmawh li kienu se jinħarġu l-akkużi kontrieh minħabba t-telefonati li saru u talli għajjar lis-Surġent. Il-Pulizija qalulu wkoll li ma kienx hemm għalfejn imur l-Għassa. Madankollu, Farrugia mar xorta l-Għassa u hemm il-kwistjoni kibret. Hu kellu f’idejh umbrella bil-ponta tal-ħadid u beda jxejjirha f’wiċċ il-Pulizija mara.

Kuntistabbli raġel ħataflu l-umbrella minn idu u pprova jikkontrollah, iżda Farrugia mbuttah u żammu bil-minkeb. F’dan il-ħin, żewġ Kuntistabbli rġiel oħrajn ġibdu lil Farrugia minn fuq il-Pulizija li kien qed jiġi aggredit. Minkejja li kkalma xi ftit, malli sema’ li kienu se jġibulu t-Tabib reġa’ rvella u ħabat għal wieħed mill-Kunstistabbli li kien fl-Għassa, tant li sabbtu mal-bieb u anke beda jxejjer idejh. Dak il-ħin beda jsir ħafna diskors, fis-sens li aħjar joħroġlu d-demm ħalli kulħadd jaħseb li l-Pulizija kienu qed isawwtuh.

Farrugia beda wkoll iċarrat il-flokk, bl-atteġġament tiegħu jkun wieħed xi ftit isteriku. Hu beda joffendi lill-Pulizija u qalilhom ukoll li kien se jnezzalhom l-uniformi. Miċ-ċertifikati mediċi, irriżulta li tliet Kuntistabbli rġiel weġġgħu ħafif, kif anke weġġa’ ħafif Farrugia nnifsu. Il-Pulizija qalet li l-forza użata kienet waħda minima, kemm biex ma jweġġgħux huma, kif ukoll biex jevitaw milli Farrugia jweġġa’ lilu nnifsu.

Min-naħa tiegħu, John Farrugia lmenta li ma jsibx koperazzjoni mill-Pulizija meta jagħmel rapporti dwar storbju. Dwar il-ġurnata partikolari, ikkonferma li kien ċempel mill-mobile tiegħu biex jirrapporta xi ħwienet li kienu għadhom miftuħin wara s-1am. Kompla jgħid li l-Pulizija kienu marru jħabbtulu l-bieb b’mod agressiv u mar l-Għassa bl-umbrella għax kienet ix-xita. Minnufih is-Surġenta qaltlu biex ma jċempilx iżjed, qal Farrugia, u dak il-ħin il-Pulizija kollha ħebbew għalih. Qal ukoll li tawh xebgħa.

Fil-każ xehed ukoll l-Espert tal-Qorti Mario Scerri, li eżamina lil Farrugia u li qal li l-feriti li kellu fuqu ma kienux kompatibbli ma’ swat. Fis-sentenza tagħha, il-Qorti qalet li l-verżjoni mogħtija mix-xhieda tal-Prosekuzzjoni hi dik li għandha l-aktar mis-sewwa. Il-Qorti qalet li ħadet l-impressjoni li l-atteġġjament ta’ Farrugia qabeż xi ftit il-limitu u aktar kien moħħu biex jagħmilha ta’ viġilanti.

Dan l-atteġġjament minn Farrugia jidher li beda jurta mhux ħażin lill-Pulizija. Min-naħa tiegħu, hu beda juri sintomi ta’ persuna li qed tiffissa u beda jsir paranojku. It-taħlita ta’ dawn l-ingredjenti wasslet biex iseħħ l-inċident. Il-Qorti qalet ukoll li ġie ppruvat sal-grad rikjest mil-Liġi li Farrugia għamel reżistenza billi ħebb fuq membri tal-Pulizija u fixkilhom fil-qadi ta’ dmirijiethom fl-Għassa stess. Il-Qorti qalet ukoll li bl-atteġġament xejn feliċi tiegħu, Farrugia ippreċipita s-sitwazzjoni, li setgħet ġiet evitata kieku kien aktar għaqli u tolleranti.

Wara li qieset il-kondotta nadifa ta’ Farrugia, l-entużjażmu żejjed tiegħu fir-rapporti li jagħmel, il-frustrazzjoni li dan kollu seta’ nissel f’moħħ il-Pulizija, l-atteġġjament nervuż u erratiku tiegħu meta mar l-Għassa, fost kunsiderazzjonijiet oħra, hu ġie lliberat bil-kundizzjoni li ma jwettaqx reat ieħor fi żmien sentejn. Hu ma nstabx ħati li beżża’ lill-Pulizija, li kiser il-paċi pubbliku, li għamel ħsara billi akkuża persuna b’rapport falz u li għamel dan biex jittieħdu passi kriminali għalxejn.

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Sarah Magri.