Vapur li kien qed ibaħħar fl-ibħra territorjali Maltin, u li fuqu kellu persuna abbord x’aktarx infettata bil-virus tal-Ebola, talab l-assistenza tal-Gvern Malti x’aktarx biex jidħol Malta. Madankollu, din it-talba kienet irrifjutata. F’komunikat informali mal-media, il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li lbieraħ fit-8pm il-Gvern irċieva informazzjoni li l-vapur konċernat, bl-isem “Western Copenhagen” u rreġistrat Hong Kong, kien jinsab 33 mil ‘il barra minn Malta u 40 mil ‘il barra minn Sqallija.
Il-vapur merkantili kien telaq mill-Guinea, li hu pajjiż milqut mill-virus tal-Ebola, u kien fi triqtu lejn l-Ukrajna. Il-Prim Ministru qal li l-Kaptan tal-vapur talab għall-assistenza medika minħabba li wieħed mill-membri tal-ekwipaġġ, li hu Filippin, kien marid. Meta l-Uffiċjali tas-Saħħa staqsew dwar is-sitwazzjoni medika tal-passiġġier, il-Prim Ministru qal li dan kellu s-sintomi li jaqblu ma’ dawk tal-virus tal-Ebola. Fuq il-vapur jidher li kien hemm b’kollox 21 persuna.
Il-Prim Ministru, li fil-konferenza tal-aħbarijiet kien akkumpanjat minn diversi Ministri, l-Avukat Ġenerali, id-Deputat Kmandant tal-Forzi Armati u Uffiċjali Għolja oħrajn tal-Gvern, qal li wara diversi laqghat bejn l-awtoritajiet konċernati kollha u wara parir mill-Avukat Ġenerali, ġie deċiż li l-vapur ma’ jingħatax permess jidhol f’Malta jew li tingħata xi assistenza medika lill-passiġġier jew passiġġiera abbord.
Dwar dan, il-Prim Ministru qal li l-Liġi tagħtik l-obbligu li tħares is-sigurtà nazzjonali u l-protezzjoni tal-pubbliku. Muscat qal li jemmen li kienet deċiżjoni moralment tajba u li ma nistgħux nitfgħu fil-periklu s-sistema tas-saħħa, l-infrastruttura jew lin-nies biex ngħinu persuna. Hu fakkar li minn Mejju li għadda, il-Gvern beda jipprepara għal kull eventwalità. Fid-dawl ta’ dan kollu, jirriżulta li għall-ħabta tal-11am il-vapur kompla jbaħħar lejn l-Italja u mistenni jitlob l-assistenza minn port ieħor hemm.
Joseph Muscat qal li b’dan il-każ informa wkoll immedjatament lill-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil.
Min-naħa tiegħu, is-Segretarju Parlamentari Chris Ferne tkellem dwar il-kontroll tal-virus tal-Ebola fl-Ewropa u qal li f’laqgħa li kellu mad-Direttur Ġenerali tal-Organizazzjoni Dinija tas-Saħħa (WHO) intqal li l-għeluq tal-fruntieri fl-Ewropa mhux qed tkun ikkunsidrata. Madankollu, qed tkun diskussa l-possibbiltà li jintbagħtu aktar riżorsi fil-pajjiżi milquta.