Qorti

20 xahar ħabs u multa fuq droga u reati oħra għal Serb

Milos Peris, ta’ 29 sena mis-Serbja u residenti San Ġiljan, ġie kkundannat 20 xahar ħabs u mmultat €1,500 wara li fil-pusses tiegħu nstabet id-droga eroina, f’ammonti konsiderevoli. Fil-Qorti, Peris ammetta li d-droga li nstabet fuqu ma kinitx għall-użu personali. Fil-pussess tiegħu nstab ukoll ammont żgħir ta’ droga kannabis u droga oħra magħrufa bħala magic mushroom.

Minkejja li l-Qorti semgħet lill-partijiet, bid-Difiża u l-Prosekuzzjoni jitolbu piena ta’ tmien xhur ħabs u l-fatt li Peris ikkopera mal-Pulizija, il-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Natasha Galea Sciberras qalet li minħabba n-natura tar-reati l-piena kellha tkun aktar ħarxa. Il-Maġistrat semmiet ukoll l-ammont ta’ €6,310, li nstabu fil-pusses tal-akkużat, u qalet li dawn instabu f’ċirkostanzi suspettużi, anke jekk mill-provi ma rriżultax li dawn żgur ġew minn attività kriminali ta’ droga.

Ingħad li s-Serb ġab il-flus wara li ssellef €10,000 mingħand ommu, li kienet għadha kemm biegħet biċċa art, għalkemm il-Qorti qalet li hi xettika dwar din l-istorja. Il-Qorti ordnat ukoll lil Peris biex iħallas il-multa mill-ewwel, inkella jkollu jagħmilhom ħabs. Hu nstab ħati wkoll li bagħbas fil-Passaport tiegħu, meta kien jaf li ġie alterat fuq isem ċertu Evgeniy Dechev Genev.

Il-Qorti qalet li qieset il-fatt li Peris ammetta l-akkużi, anke jekk mhux fi stadju bikri, meta tressaq il-Qorti. Kienet ikkunsidrata wkoll il-kondotta nadifa tas-Serb u l-fatt li kkopera mal-Pulizija waqt l-investigazzjoni. Kien ukoll ikkunsidrat l-ammont ta’ droga misjuba u s-sustanza, anke jekk ma tqabbad l-ebda espert mill-Qorti biex jindika l-ammont u l-purità tagħha.

Madankollu, mix-xhieda tal-Ispettur Nikolai Sant, li mexxa l-investigazzjoni, u xhieda oħra ngħad li f’numru ta’ pakketti li nstabu fuq is-Serb kien hemm sustanza bajda, suspettata kokaina. Il-Kuntistabbli Mario Portelli qal li kien hemm disa’ pakketi, xi ħaġa li Peris ammetta wkoll fl-istqarrija. Instabu tliet pakketti bil-kannabis, borża tal-plastik bi 17g sustanza bajda relatata ma’ kokaina u ammont żgħir ta’ magic mushroom.

Fis-sentenza tagħha, il-Qorti qalet li mill-20 xahar li jrid iservi fil-ħabs, jekk huwa l-każ, irid jitnaqqas il-perjodu li fih għamel taħt arrest preventiv. Ingħad ukoll li l-flus li nstabu fuq il-persuna ta’ Peris u n-numru ta’ mobiles li kellu, jerġgħu jingħataw lilu. Il-Qorti ordnat ukoll li d-droga maqbuda u l-Passaport imbagħbas jiġu distrutti.