L-IRAQ: Għall-ewwel darba, ilbieraħ, ajruplani militari Franċiżi daħlu fl-azzjoni kontra l-ġellieda tal-Istat Iżlamiku bbażati fl-Iraq.
Fl-attakk, ajruplani tat-tip Rafale bbumbardjaw maħżen ewlieni tal-militanti Iżlamiċi u dan inqered għalkollox. L-aħbar kienet ikkonfermata mill-President Franċiż Francois Hollande. Kelliem militari Iraqin qal li b’kollox kienu saru erba’ attakki mill-ajru u li fihom kienu nqatlu diversi militanti Iżlamiċi.
Hollande qal li fil-jiem li ġejjin kien se jkun hemm aktar attakki mill-Qawwa tal-Ajru Franċiża bl-iskop li jdgħajfu lill-Istat Iżlamiku u jgħinu lill-Gvern Iraqi.
Qassim al-Moussawi, kelliem għall-militar Iraqi, qal li b’kollox saru erba’ attakki f’Zumar fejn hemm konċentrazzjoni kbira ta’ militanti Iżlamiċi.
B’dawn l-attakki, Franza saret l-ewwel pajjiż li ngħaqad pubblikament fl-azzjoni militari mal-Istati Uniti kontra dan il-grupp. Hollande, iżda, eskluda li kienu se jintbagħtu t-truppi.
Is-sena li għaddiet, Franza kienet lesta tingħaqad f’azzjoni militari kontra r-reġim Sirjan tal-President Bashar al-Assad imma mbagħad il-President Amerikan Barack Obama kien għamel pass lura. Uffiċjali Franċiżi jemmnu li kieku kienet saret azzjoni militari, kieku l-affarijiet ma kinux jaslu għal kif inhuma llum.
L-awtoritajiet militari Amerikani qalu li mit-8 ta’ Awwissu, l-Istati Uniti wettqet 176 attakk mill-ajru fl-Iraq kontra l-Istat Iżlamiku.
Sadattant it-Turkija ħabbret li kienet fetħet il-fruntiera biex eluf ta’ Sirjani li qed jaħarbu mill-militanti Iżlamiċi jkunu jistgħu jidħlu u jistkennu fit-territorju Tork. Eluf kbar ta’ Kurdi Sirjani, mira ewlenija tal-militanti, qasmu taħt sigurtà kbira lejn Dikmetas fit-Turkija. Fit-Turkija diġà għamlu hekk aktar minn 847,000 refuġjat mis-Sirja.
//= $special ?>