Internazzjonali

Allarm dwar ir-reklutaġġ tat-tfajliet mill-estremisti Iżlamiċi

FRANZA: Uffiċjali tas-sigurta fi Franza qed jinkwetaw dwar l-aġir ta’ ‘aġenti’ għall-gruppi tal-estremisti Iżlamiċi li qed jinsistu bir-reklutaġġ tat-tfajliet u n-nisa Franċiżi għall-kawża militanti tagħhom.

Dan meta madwar mija fost dawn in-nisa Franċiżi jinsabu ‘fis-Sirja jew fi triqthom lejn dan il-pajjiż’ u b’xi 175 oħra jinsabu taħt osservazzjoni fiz-zoni rispettivi ta’ Franza.

Skont l-analiżi speċifika, in-numru tan-nisa u tfajliet Franċiżi li jistgħu qed jippjanaw il-vjaġġi ‘lejn ir-reġjuni tal-jihad’ x’aktarx li żdied b’mod sostanzjali.

Fil-bidu tal-2013 kienu biss erba’ n-nisa ta’ tendenza estremista ( fi Franza) li tpoġġew taħt osservazzjoni u meta fl-ewwel xhur ta’ din is-sena in-numru tan-nisa ‘fl-istess kategorija’ laħaq tela’ għal 74. Din l-informazzjoni pprovdewha uffiċjali involuti fis-sigurta u li tkellmu bil-kundizzjoni li ħadd ma jiżvela l-identita tagħhom.

Ir-rekluti Franċiżi li qed jappoġġjaw lill-militanti barra pajjiżhom jammontaw għal xi 900 fost l-elfejn Ewropew li fl-aħħar ġimgħat iġġieldu spalla ma’ spalla mat-terroristi tal-grupp Stat Iżlamiku (IS) u movimenti radikali oħra fit-territorji tal-Iraq u s-Sirja.

L-uffiċjali tas-sigurta huma mħassbin li dawn il-ġellieda, issa, jistgħu jużaw il-kapaċitajiet ġodda li tgħallmu ‘fil-killing fields tal-Iraq’ biex iwettqu l-attakki terroristiċi fi Franza jew f’pajjiżi oħra tal-Ewropa. Dawn it-terroristi potenzjali anki għandhom il-passaporti tal-Unjoni Ewropea bħala ‘arma importanti’, biż-żieda fl-ammont ‘tar-rekluti tfajliet u nisa’ qed tallarma sew lill-awtoritajiet Franċiżi.

Din il-ġimgħa kienu arrestati ħames persuni, fosthom żewġt aħwa (ġuvni u tfajla) suspettati bħala protagonisti fi grupp ta’ ‘aġenti’ li jispeċjalizzaw fl-ingaġġ tat-tfajliet Franċiżi żgħażagħ għall-kampanji militanti. Skont il-Ministru Franċiż għall-Affarijiet Barranin, Bernard Cazeneuve, dan il-grupp kellu l-bażi tiegħu fiċ-ċentru ta’ Franza.

L-azzjoni kontra l-grupp seħħet ġimgħat wara sensiela ta’ arresti ta’ tfajliet adolexxenti madwar Franza. L-arrestati kienu jinkludu tifla ta’ sittax il-sena li nqabdet fl-ajruport ta’ Nizza waqt li hi kienet qed tħejji biex taqbad ajruplan lejn it-Turkija – u minfejn kellha tivvjaġġa lejn is-Sirja biex tissieħeb mal-militanti.

Fost l-arrestati kien hemm ukoll tliet tfajliet adolexxenti li kienu qed jippjanaw biex jivvjaġġaw flimkien għall-istess skop u li qabel ikkorrispondew ma’ xulxin fuq in-networks soċjali.