Lokali

Azzjoni konkreta għal tiġdid u bidliet fil-PN – Is-Segretajru Ġenerali tal-PN

Il-PN qed jattwa t-tiġdid u l-bidliet fil-politika u fl-istrutturi tiegħu billi jimplimenta azzjonijiet konkreti meħuda bil-prinċipju li l-bniedem jibda fiċ-ċentru tal-politika u li l-PN isir iktar partit tan-nies.

Dan il-messaġġ għaddieh is-Segretajru Ġenerali tal-PN Chris Said meta indirizza l-Mass meeting tal-Indipendenza fuq il-Fosos tal-Floriana fl-għeluq tal-festi organizzati mill-PN fl-okkażjoni tal-50 anniversajru mill-kisba tal-Indipendenza fl-1964.

Chris Said qal li dan hu anniversarju importanti hafna fl-istorja politika ta’ Malta u l-Partit Nazzjonalista bir-raġun li jkun kburi b’din il-kisba, għax hu l-Partit li ġab din il-kisba; l-awtur tal-Indipendenza.

Il-PN dejjem kien il-partit tal-kisbiet il-kbar għal Malta fosthom l-Indipendenza, id-demokrazija, il-liberta’, l-ekonomija libera, l-impjiegi ġodda u l-edukazzjoni tal-aqwa kwalita’. Dawn flimkien ma’ servizz tas-saħħa tal-aqwa kwalita mingħajr ħlas, pajjiż isbaħ u sigur u s-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea bid-dħul tal-ewro.

Dawn il-kisbiet saru b’Ġorġ Borg Olivier – missier Malta Indipendenti u mexxej viżjonarju u b’Eddie Fenech Adami – missier Malta Ewropea flimkien ma’ Lawrence Gonzi – li wkoll sab maltemp u xkiel kbir, iżda b’għaqal u b’kuraġġ irnexxielu jżomm ekonomija b’saħħitha u daħħal il-munita’ ewro li hija l-ankra tal-pajjiż f’dinja globalizzata.

Chris Said tkellem dwar is-sitwazzjoni tal-PN u qal li mill-Gvern il-PN qatt ma fittex li jħaxxen il-bwiet tal-Partit. Aħna m’għamilna ebda skandlu bħal ma għamel il-Labour bl-Australia Hall fejn Joseph Muscat b’kappell iċedi l-kawża tal-gvern u bil-kappell l-ieħor idaħħal il-flus għal-Labour, sostna Chris Said. Il-PN bena Dar Ċentrali u investa fil-media tal-Partit bis-saħħa tan-nies li emmnu fil-PN u għenuh.

Filwaqt li semma l-isfidi li għandha l-media tal-PN, Chris Said rringrazzja lill-voluntiera u qal l-media lejn iktar kredibbilta li tirrispetta kif jixraq l-intelliġenza tan-nies.

Dwar l-istruttura tal-PN, Chris Said qal li saru bidliet fl-Istatut tal-Partit, twaqqfu strutturi u policy fora ġodda u ssaħħu l-Movmenti tal-PN.

Filwaqt li qal li l-bniedem jibqa fiċ-ċentru tal-politika tal-PN, Chris Said kkritika lill-Gvern Laburista fuq diversi setturi fosthom il-mediċini nieqsa, it-transfers vendikattivi, il-kriminalita fuq l-anzjani, in-nuqqas ta’ xogħol u l-favuri għal tal-qalba fejn fi 13-il xahar il-Gvern daħħal 3,600 persuna mal-Gvern. Quddiem din ir-realta l-Ministru tal-Finanzi waħħal fl-istatistika, sostna Chris Said li kompla li dan juri li jew il-Ministru ma jafx x’inhu jgħid inkella qed jigdeb.

Dan hu Gvern, sostna Chris Said, li sa Awwissu għamel deficit ta’ E50 miljun, aktar mis-sena l-oħra u f’sena żied i-ddjen bi €350 miljun. Għal dan m’ hawn xejn x’juri għax waqqaf il-bini ta’ skejjel ġodda u s-servizz tas-saħħa sejjer lura kuljum iżda l-Gvern kellu l-flus biex jagħmel Kabinet ta’ €100 miljun – l-akbar li qatt kellna fl-istorja, sostna Chris Said.

Is-settur privat mhux qed joħloq ix-xogħol li jixraq għall-ħaddiema bil-fabbriki jesportaw ħafna anqas xahar wara xahar. Dan għax pajjiżna mhux qed jibqa’ kompetittiv u għandna Gvern bla viżjoni quddiem sitwazzjoni bħal din.

Tal-ħwienet kollha jilmentaw li l-bejgħ naqas bl-istatistika turi li xahar wara l-ieħor l-bejgħ mill-ħwienet qed ikompli nieżel, sostna Chris Said.

Fit-turiżmu dan il-Gvern kompla jibni fuq dak li halla l-PN iżda l-Airmalta issa se tagħmel telf sostanzjali. Il-Gvern qed jilgħab man-nar bil-futur tal-haddiema tal-Airmalta, sostna Chris Said, li kompla li l-PN jispera li mhux se jkun hawn ripetizzjoni tal-istorja tal-Enemalta u bl-iskuża tat-telf, Muscat ibiegħ l-Airmalta bix-xejn liċ-Ċiniżi.

Dwar l-Enemalta, is-Segretarju Ġenerali tal-PN qal li d- dejn żdied b’€150 miljun f’ sena u nofs u seħħ it-trasferiment tal-ħaddiema kollha f’ kumpanija li ma għandha xejn tagħha.

Chris Said qal li dan hu Gvern li jaħseb fih innifsu fejn wara li l-PL akkwista proprjetà pubblika, l-Australia Hall, Muscat qabad u ċeda kawża tal-Gvern kontra l-Partit Laburista minflok ħalla l-Qorti tiddeċiedi. Muscat biegħ l-Australia Hall, minkejja li din hi propjetà pubblika, u daħħal kemxa flus għall-PL fl-istess nifs li qed iressaq liġi kontra l-finanzjament tal-partiti.

Il-PL għandu 22 każin li huma propjeta’ pubblika u sitt każini li gew rekwiżizzjonati mingħand familji privati. Tagħhom iħallas is-soldi fis-sena u jdaħħal eluf kbar. Serq sfaccat, saħaq Chris Said, li kompla li l-proprjetajiet li għandu l-PN huma proprjetajiet li xtara u akkwista b’ħidma li wettaq hu stess – bis-saħħa tan-nies.

“Nisfida lill-Partit Laburista biex jgħaddi lura dawn il-proprjetajiet lis-sidien li mingħandhom ġew rekwiżizzjonati u jagħtihom il-kumpens li jixirqilhom. Il-Partit Nazzjonalista gie akkużat li jrid ikun finanzjat minn fondi pubbliċi iżda qed jaħbi l-fatt li l-PL ilu snin twal jiġi finanzjat minn flus il-poplu u bil-liġi jew mingħajrha dawn il-każini se jibqgħu għandu u se jibqa jiġi finanzjat minn bid-dħul sostanzjali minn dawn il-propjetajiet” saħaq Chris Said.

Is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista qal li dan hu Gvern li qed jilgħab mad-demokrazija għax qed jibża’ li jekk jagħmel l-elezzjoni li jmiss tal-kunsilli lokali se jkollu kjuwijiet twal ta nies wara l-bibien tal-Ministeri jitolbu li jingħataw dak li ġew imwegħda qabel l-elezzjoni ġenerali u l-elezzjoni tal-Ewropa.

Jekk Muscat irid jiffranka l-flus għandu jirrevedi s-salarji kbar tal-mara tal-Ministru Konrad Mizzi, jirrevedi s-salarji kbar tad-deputat Laburista Silvio Schembri u ta’ diversi deputati oħra li qed jieklu b’żewġt iħluq jew aktar u jirrevedi s-salarju ta’ dak li Muscat tah aktar minn €20,000 kuntratt f’sena biex isib garaxx fejn bands lokali ikunu jistgħu idoqqu u jipprattikaw iżda għaddew aktar minn sena u erba’ xhur u dan għadu jfittex dan il-garaxx għall-bands Maltin. Jekk irid jiffranka l-flus, Muscat għandu jieqaf jikri l-karozza tiegħu stess lilu nnifsu minn flus il-poplu għal €70,000 qal Chris Said.

“Tilgħabx mad-demokrazija għax se ssib lill-Partit Nazzjonalista jiqaflek. Aħna l-partit li ġibna d-demokrazija f’dan il-pajjiż u mhu se nħallu lill-ebda Joseph Muscat jżarma dak li aħna ksibna flimkien b’tant sagrifiċċji”, sostna Chris Said.

“Dan hu Gvern li ma ddejjaq xejn jiddefendi mħallef li għamel il-ħażin għax it-tifel tiegħu kandidat mal-Labour. Gvern li qabel l-elezzjoni wiegħed kollox lil kulħadd u wara l-elezzjoni daħaq bin-nies. Gvern li għax il-poter telgħalu għal rasu jaħseb li jista’ jagħmel li jrid inkluż jilgħab bid-demokrazija”, sostna s-Segretarju Ġenerali tal-PN.

Quddiem Gvern bħal dan pajjiżna jixraqlu Oppożizzjoni b’saħħitha li kapaċi tkun Gvern alternattiv.
Għalhekk qed nerġgħu nibnu l-PN biex nagħmluh, mill-ġdid, il-partit tan-nies, qal Chris Said li rrikonoxxa li għad hemm min għadu mweġġa’, min mhux komdu jagħtina ċans ieħor u min ma jridx jisma dak li qed ngħidu għax iħossu diżappuntat minħabba li fil-passat stajna inqasnieh.

“Li nitolbu apoloġija fejn inqasnikom hi importanti imma dik tkun l-eħfef ħaġa. Intom tridu azzjoni konkreta u dak li qegħdin nagħmlu. Qed nibnu l-PN mhux biss f’dawk li huma strutturi iżda wkoll f’policies u l-mod kif naħsbu”, sostna Chris Said.

Is-Segretarju Ġenerali tal-PN irrifera għall-kuraġġ ta’ Ġorġ Borg Olivier, Eddie Fenech Adami u Lawence Gonzi u sostna li l-Kap il-ġdid tal-PN Simon Busuttil u l-PN mhux se jaqtgħu qalbhom mill-isfidi.

“Bikom magħna, flimkien, naslu. Kuraġġ! Taqtawx qalbkom! Aħna partit kbir; partit ta’ kisbiet kbar!
Flimkien nerġgħu nsiru l-partit tan-nies. Oppożizzjoni b’saħħitha u meta jasal il-waqt Gvern denju biex imexxi lil pajjiżna”, temm is-Segretarju Ġenerali tal-PN.