Editorjal

Editorjal: Illejla niċċelebraw kif jixraq

Il-festi li l-Partit Nazzjonalista qed itella’ fuq il-Fosos tal-Furjana biex jiċċelebra l-anniversarju tad-deheb tal-Indipendenza llejla jilħqu l-qofol tagħhom b’mass meeting li fih il-kelliem ewlieni jkun il-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Simon Busuttil.

Ċelebrazzjoni tal-akbar kisba
Naturalment, nistennew diskors xieraq għall-okkażjoni u ċelebrazzjoni li tfakkar kif imiss dan l-anniversarju sabiħ tal-akbar kisba li jista’ jagħmel nazzjon: li jkun sovran, li jkollu kostituzzjoni u liġijiet li jista’ jibdilhom hu biss, kif u meta jidhirlu.

Ġorġ Borg Olivier
Illejla nfakkru wkoll lil missier in-nazzjon, Ġorġ Borg Olivier, il-ġentlom tal-politika Maltija, li wettaq dik li kienet il-ħolma tal-Partit Nazzjonalista għal żmien twil. Ma wettaqhiex waħdu, imma kien il-bniedem tad-determinazzjoni quddiem ostakli kbar.

Sa sitt snin qabel
Għax li l-Indipendenza llum hi aċċettata minn kulħadd hi ħaġa li ma kinetx, la qabel u lanqas wara l-Indipendenza. Sitt snin biss qabel Malta saret indipendenti, il-Partit Laburista kien għadu għaddej b’kampanja qalila, anke vjolenti, biex Malta tkun integrata mar-Renju Unit – il-maqlub eżatt ta’ indipendenza.

Vjolenza
Ftit snin wara l-Indipendenza mbagħad, Gvern Laburista Jum l-Indipendenza neħħieh minn festa pubblika. Kull min kien jattendi għall-attività li l-Partit Nazzjonalista kien beda jagħmel fil-Belt dakinhar, f’jum normali tax-xogħol, kien jispiċċa attakkat bil-ġebel, bid-daqqiet tal-lembubi tal-Pulizija, u anke bil-gass tad-dmugħ.

Tneħħija minn festa
Dak kien l-attentat biex Jum l-Indipendenza, Jum Malta, jinqatel bit-tneħħija minn festa, bil-vjolenza, bit-tgħajjir u b’kampanja ta’ għexieren ta’ snin fil-mezzi tax-xandir u l-istampa Laburisti ta’ insulti lill-Indipendenza u lil Ġorġ Borg Olivier.

Il-bidu ta’ ħafna kisbiet
Kienu ċelebrazzjonijiet bħal tal-lejla mill-Partit Nazzjonalista tul ħafna snin li żammew Jum l-Indipendenza fil-quċċata bħala l-jum li jfakkar l-akbar kisba li jista’ jagħmel nazzjon, is-sovranità, il-bidu ta’ mixja lejn il-ħafna kisbiet u għażliet li għamel tul dawn il-50 sena biex sar nazzjon modern Ewropew b’edukazzjoni wiesgħa, b’xogħol produttiv f’industriji ġodda, b’solidarjetà ma’ kull min jeħtieġha, b’infrastruttura moderna u bi drittijiet indaqs għal kulħadd bħala Maltin u Ewropej.

Illejla niċċelebraw kif jixraq
Hu għalhekk li llejla nfakkru u niċċelebraw l-Indipendenza nnifisha f’dan l-anniversarju tant sabiħ ta’ ħamsin sena. U niċċelebraw lil missier Malta indipendenti, Ġorġ Borg Olivier, li qatt ma wieġeb għall-vjolenza u l-insulti bihom, imma bl-imħabba kbira lejn Malta li għamilha nazzjon sovran.