Madwar 500 immigrant irregolari tħallew jegħrqu mit-traffikanti ‘il barra mill-kosta Maltija meta suppost kellhom jgħinu jsibu ħajja aħjar fl-Ewropa. Dan fl-eku tat-traġedji fil-baħar Mediterran li seħħew fil-ġimgħat li għaddew.
Żewġ żgħażagħ li fortunatament salvaw mit-traġedja tkellmu dwar dak li għexu huma u l-persuni l-oħrajn kollha li tilfu ħajjithom.
Huma rrakuntaw li wara ħafna vjaġġar, waslu f’Damieta fl-Eġittu, u d-dgħajsa telqet minn hemmhekk fil-bidu ta’ Settembru.
Doaa Al Zamel, tfajla Palestinjana ta’ 19-il sena li salvat mill-għarqa, tiddeskrivi l-mumenti tal-biża’ tal-għarqa.
“Bdejna l-vjaġġ tagħna s-Sibt u fir-raba’ jum, dgħajsa tas-sajd resqet viċin tagħna u qaltilna biex nieqfu.”, filwaqt li l-Kaptan tad-dgħajsa l-oħra mhux biss irrifjuta li jgħinhom, imma baqgħu iħarsu lejhom sakemm għerqu.
“Minħabba li l-kaptan tad-dgħajsa tagħna rrifjuta li jieqaf huma bdew joffenduna u waddbulna biċċiet ta’ metall u injam. Imbagħad bdew jidħlu fina bid-dgħajsa tagħhom. Baqgħu jħarsu lejna sakemm għeriqna… imbagħad telqu.”
It-tfalja tgħid li f’dak il-mument, l-unika tama tagħhom kienet li jduru għat-talb.
“Inġbarna fi gruppi u bdejna nitolbu lil Alla biex isalvana”
Mohammed Raad jirrakkonta l-mument meta kien qed jgħereq.
“Meta bdejt nara l-ilma dieħel fid-dgħajsa jien irnexxieli noħrog mit-tieqa. Minħabba li naf kif ngħum, irnexxieli nsalva.”
Jgħid li kien hemm mumenti fejn beda jaqta’ qalbu li jista’ jsalva.
“Għal tlieta, erbat ijiem bqajna fil-baħar kiesaħ, bil-ġuħ, bil-għatx u mbezza…”
Dan il-każ isegwi ieħor li seħħ fil-gimghat li għaddew ‘il barra mill-kosta tal-Libja, li fih aktar minn 200 persuna hu maħsub li għerqu minn fost 250 li kienu abbord lanċa.
L-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Migrazzjoni qed issostni li matul din is-sena biss għerqu aktar minn 2,500 persuna fil-Baħar Mediterran.