Lokali

FILMAT: Jonqos il-baġit allokat għan-Notte Bianca

Iktar minn 100 artist f’dixxiplini varji se jieħdu sehem fid-disa’ edizzjoni ta’ Notte Bianca fil-Belt Valletta, li għal darb’oħra mistennija tattira iktar minn 70,000 għall-lejl tas-Sibt 4 ta’ Ottubru.

Dettalji dwar din l-edizzjoni ingħataw waqt konferenza tal-aħbarijiet fi stabbiliment privat fil-Belt Valletta. Il-Ministru għall-Ġustizzja u l-Kultura Owen Bonnici qal li din l-attivita’ hi vetrina ideali kemm għall-Belt Valletta kif ukoll għal artisti li għad iridu jagħmlu isem.

Iżda filwaqt li l-attivita’ qed tkun deskritta bħala waħda li dejjem tikber, il-baġitallokat għaliha fil-fatt naqas. Dwar dan tlabna konferm mill-Ministru Owen Bonnici li deher li ma kienx informat dwar dan.

Fil-fatt, iċ-Chairman tal-Kunsill Malti għall-Arti Albert Marshall ikkonferma li kien hemm tnaqqis fil-Baġit iżda bil-parteċipazzjoni ta’ entitajiet oħra bħal Valletta 18, l-attivita’ kibret. Marshall qal li din hija policy tal-Kunsill bil-għan li jsir iktar b’inqas.

Staqsejna wkoll il-Ministru Bonnici għaliex produtturi tal-artiġjanat Malti, qed jintalbu jħallsu bejn €50 u €80 sabiex jarmaw fuq Hastings. Anki hawnhekk jidher li l-Ministru ma kienx informat

Wieħed mill-organizzaturi spjegalna li artiġjani bħal tal-bizzilla jew ganutell mhux se jintalbu ħlas filwaqt li artiġjani ta’ prodotti li jbiegħu iktar bħal qubbajd se jkunu qed iħallsu.

Mhux ċar eżattament fuq liema kriterji se jkun deċiz liema artiġjan għandu jħallas u liema le. Li hu żgur hu li minn kopja tal-formola tal-applikazzjoni miksuba minn dan l-istazzjon, kull applikant qed jintalab depożitu ta’ €30 u ħlas li jvarja bejn €20 u €50 skont id-daqs, irrispettivament x’inhi l-attivita’ tal-artiġjanat.

Waqt il-konferenza tal-aħbarijiet, id-Direttur Artistiku ta’ Notte Bianca Sean Buhagiar tkellem dwar is-sinerġija li teżisti bejn entitajiet differenti kif ukoll attivitajiet differenti, fosthom Science in the City li se ssir il-ġimgħa d-dieħla u l-festival Ziguzajg li jsir f’Novembru. Hu spjega li se jsiru ‘il fuq minn 100 attivita’ madwar il-Belt Valletta u għall-ewwel darba se jintuza l-Pjazza tat-Teatru Rjal.

Il-konferenza tal-aħbarijiet kienet indirizzata wkoll miċ-Chairman ta’ Valletta 2018 Jason Micallef u s-Sindku tal-Belt Valletta Alexiei Dingli. Bħas-snin ta’ qabel l-Għawdxin jistgħu jaqsmu għall-Belt bi vjaġġ dirett tal-Gozo Channel. Owen Bonnici ħabbar ukoll li peress li dak il-lejl tkun il-festa tal-Madonna tar-Rużarju fil-Gudja, ser ikun provdut trasport mill-Belt għal min irid togħma ta’ festa Maltija.