Il-kanzunetta “Mixja li Bdiet”, kantata minn Michaela Galea, hi r-rebbieħa tal-edizzjoni ta’ din is-sena tal-Konkors Kanzunetta Indipendenza (KKI). Hi kisbet 426 punt, segwita minn “Ġabuna Indipendenti” kantata minn Marilena bi 369 punt u “Ħolma ta’ Nazzjon” kantata minn Cherylis Cardona bi 362 punt, fit-tieni u t-tielet post rispettivament (ara r-riżultati kollha isfel). Il-kanzunetta li kisbet l-akbar ammont ta’ voti bit-televoting kienet “Tħobbni kif Jien”, kantata minn Phylisienne Brincat.
Ippreżentat minn Marbeck Spiteri, bħal kull sena, il-KKI attira lejh folla ta’ segwaċi ta’ mużika lokali. Dan hekk kif il-KKI baqa’ l-akbar konkors ta’ mużika Maltija li jsir f’pajjiżna. Għaċ-Chairperson tal-Kumitat Organizzattiv tal-KKI Claudette Buttigieg, dan juri l-fiduċja li l-Partit Nazzjonalista għandu fit-talent tal-poplu Malti. Għal sena oħra wkoll, il-KKI serva wkoll ta’ pjattaforma tajba għall-kantanti, li tgħinhom jimxu ‘l quddiem fil-karriera mużikali tagħhom.
Inizjattiva fl-edizzjoni ta’ din is-sena kien il-KKI Jr, b’serata ddedikata speċifikament għal għal tfal ta’ bejn it-tmienja u l-15-il sena li qatt ma kienu pparteċipaw f’xi konkors ieħor nazzjonali. Din is-serata, li ttellgħet fl-ewwel jum ta’ attivitajiet fuq il-Fosos, it-Tlieta li għadda, ntrebħet mill-kanzunetta “Għannaqni” kantata minn Kylie Cuschieri. Il-kanzunetta rebbieħa kienet segwita minn “Ħajjitna f’Idejna” kantata minn Jurgen Xerri u “Festa ta’ Ilwien” kantata minn Destiny Chukunyere fit-tieni u t-tielet post rispettivament. Il-kanzunetta bl-akbar ammont ta’ voti mit-televoting kienet “Damma” kantata minn Naomi Busuttil.
//= $special ?>