Illejla jilħqu l-qofol tagħhom l-attivitajiet li l-Partit Nazzjonalista qed jorganizza fuq il-Fosos tal-Furjana, biex ifakkar il-50 anniversarju mill-kisba tal-Indipendenza, bil-Mass Meeting indirizzat mill-Kap tal-Oppożizzjoni u Kap tal-PN Simon Busuttil.
Il-Mass Meeting jibda fit-8pm b’warm-up b’mużika u żfin. Se jkun hemm ukoll it-tlugħ tal-Bandiera Maltija u diskors mis-Segretarju Ġenerali tal-PN Chris Said. Fid-diskors tiegħu, il-Kap tal-PN Simon Busuttil mhux biss se jħares lejn il-kisbiet li saru fil-50 sena li għaddiet, iżda fuq kollox iwassal il-messaġġ tal-Partit b’viżjoni li tħares lejn il-futur tal-pajjiż.
Fi tmiem il-Mass Meeting, il-palk prinċipali se jilqa’ lil QE2, li hi tribute band tal-grupp leġġendarju Queen. Dan il-grupp mużikali mistenni jagħti spettaklu bl-aqwa kanzunetti tal-Queen, li żgur se jinżlu għasel ma’ dawk preżenti fuq il-Fosos.
Fl-aħħar tas-serata, illejla jittella’ l-premju l-kbir abbinat mal-Lotterija Indipendenza, fejn tintrebaħ xirja ta’ €9,000 minn Scotts Supermarket. Il-biljetti jistgħu jibqgħu jinxtraw sal-lejla stess minn fuq il-Fosos jew mis-sit elettroniku tal-PN.
//= $special ?>