Hekk kif il-Partit Nazzjonalista kien dejjem fuq in-naħa t-tajba tal-istorja fil-ġrajjiet li għamlu dan il-pajjiż nazzjon, hekk ukoll se jkun fuq in-naħa t-tajba tal-istorja fit-tfassil tal-futur.
Dan sostnih il-Kap Nazzjonalista Simon Busuttil meta lbieraħ tkellem f’mass meeting Fuq il-Fosos tal-Furjana fi tmiem l-attivitajiet organizzati mill-PN fl-okkażjoni tal-50 anniversarju mill-kisba tal-Indipendenza.
Fil-bidu tad-diskors tiegħu, il-Kap Nazzjonalista fakkar il-ħolma tal-Partit Nazzjonalista mmexxi minn Ġorġ Borg Olivier. Din kienet ħolma li l-PN dejjem ħadem għaliha anke jekk il-mexxejja tiegħu kellhom jiffaċċjaw l-internament u joħduha kontra potenza dinjija. It-timbru tal-PN dejjem kien li qatt ma jaqta’ qalbu, li jiffaċċja u jgħeleb l-isfidi li ħaddieħor iqishom ibsin jew impossibbli.
“Ġorġ Borg Olivier tana ċ-ċavetta biex niftħu kull bieb li rridu,” qal Simon Busuttil.
Il-Kap Nazzjonalista spjega kif il-PN fetaħ il-bieb tad-demokrazija, tal-liberta’, tal-edukazzjoni u tas-solidarjeta’. Fetaħ ukoll il-bieb tar-rispett lejn Malta u l-bieb tal-Ewropa.
Simon Busuttil qal li l-Ewropa mhix biss kontinent fuq mappa iżda hi fuq kollox idea, timbru ta’ valuri, ta’ dinjita’ umana, tad-demokrazija, tal-liberta’ tad-drittijiet tal-bniedem, tal-ugwaljanza, tas-solidarjeta’, tal-pluraliżmu.
Il-Kap Nazzjonalista qal li l-PN fetaħ il-bieb tal-infrastruttura moderna u tal-ekonomija biex tkun libera ibbażata fuq għażliet tal-individwu u l-inizjattiva ta’ min irid jinvesti u bbażata fuq il-bżulija tal-ħaddiem.
Simon Busuttil qal li dak li għamel il-PN m’għamlux għalih innifsu iżda għall-Maltin u l-Għawdxin kollha.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li kif f’tant għażliet diffiċli biex issawwar nazzjon modern, il-PN dejjem kien fuq in-naħa t-tajba tal-istorja, hekk issa l-ambizzjoni hi li jerġa’ jkun ukoll fuq in-naħa t-tajba tal-istorja billi jkun parti mit-tfassil tal-futur ta’ pajjiżna.
Biex inkunu fuq in-naħa t-tajba tal-istorja rridu nistqasu lilna nfusna x’tip ta’ soċjeta’ rridu ngħixu fiha. Irridu soċjeta’ li tieħu l-ideat ta’ kulħadd, soċjeta’ libera fejn kulħadd ikun ugwali quddiem il-liġi.
Irridu soċjeta’ li tħares lil dak li hu ta’ kulħadd, dak li hu pubbliku tal-kollettiv. Għalhekk irridu naraw li l-ambjent jitgawda minn kulħadd għax hu ta’ kulħadd u mhux tal-ftit.
Irridu soċjeta’ li taħseb għal għada, għall-ġenerazzjonijiet ta’ għada u soċjeta’ li jkollha istituzzjonjiet b’saħħithom, ġusti, indipendenti li jħarsu l-interessi tal-poplu u mhux l-interessi tal-partit fil-Gvern.
Il-poplu jrid soċjeta’ li tuża l-aħjar ideat għaliex f’Malta hawn talent kbir u mhux minnu li f’pajjiżna m’hawnx talent.
Il-Kap Nazzjonalista qal li ħafna minn dawn il-miri huma diffiċli u jinħtieġ bidla kif issir il-politika. Minkejja li jinsab fl-Oppożiżżjoni, l-PN xorta jista’ juri li hu kapaċi jfassal viżjoni ta’ x’tip ta’ soċjeta’ jrid.
Simon Busuttil staqsa x’tip ta’ partit għandu jkun il-PN biex jasal għas-soċjeta’ li jaspira għaliha.
“L-ewwel nett irridu nibqgħu partit li jemmen fih innifsu u ma jaqta’ qalbu qatt quddiem l-ebda sfida.
Simon Busuttil qal li jrid ikun ċar fuq il-viżjoni politika tiegħu u f’hix jemmen. Hu jemmen f’opportunitajiet għal kulħadd biex kulħadd jilħaq l-indipendenza tiegħu. Jemmen fl-inklussivita’ billi dawk vulnerabbli jersqu aktar lejn iċ-ċentru tas-soċjeta’.
“Jien nagħti importanza lill-ġid komuni, lill-ġid kollettiv li dak li hu ta’ kulħadd ingawduh ilkoll flimkien.”
Simon Busuttil qal li jrid ikun viċin in-nies b’umilta’. Irid li l-PN ifassal il-politika tiegħu fuq prinċipji u fuq valuri. Iżda l-prinċipji jkunu interpretati għas-soċjeta’ ta’ llum u ta’ għada li huma differenti mis-soċjeta’ tal-bieraħ. Irridu nkunu partit sekulari li jirrispetta l-identita’ nisranija ta’ Malta u jiggarantixxi wkoll id-dritt ta’ kwalunkwe twemmin. Irridu nkunu partit b’ħarstu lejn il-futur anke jekk jibqa’ kburi bil-passat.
Il-Kap Nazzjonalista qal li politika bbażata fuq il-fatti u fuq il-verita’ u mhux fuq il-populiżmu jew is-slogans. Irridu politika konsistenti fejn dak li nemmnu ngħiduh u dak li ngħidu ngħixuh.
Biex ikollna soċjeta’ magħquda l-PN irid ikun pajjiż li jġib in-nies flimkien u għalhekk irid ikun partit miftuħ.
Simon Busuttil għalaq id-diskors tiegħu billi silet siltiet mill-innu Malti u spjega t-tifsira tiegħu għall-mod kif japplika għas-soċjeta’ ta’ llum.
“Waqt li nfakkru l-ġrajja tal-21 ta’ Settembru tal-1964, waqt li ntennu l-imħabba tagħna lejn in-nazzjon tagħna ejja nuru li t-timbru tagħna għadu hemm, li mhux se naqtgħu qalbna quddiem l-isfidi tal-preżent u tal-futur, tal-partit u tal-pajjiż.
“Ejja nuru li kif konna fuq in-naħa t-tajba tal-istorja fil-kisbiet il-kbar ta’ pajjizna hekk ukoll kapaċi nkunu fuq in-naħa t-tajba tal-futur, futur ta’ pajjiż sovran, pajjiż modern, pajjiż ewropew.”
Rapport b’aktar dettalji mid-diskors tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil ikun ippubblikat fil-ħarġa tas-Sibt ta’ IN-NAZZJON
//= $special ?>