Lokali Saħħa

Il-każ ta’ raġel bl-Ebola abbord vapur li kien ġej Malta kien False Alarm

Kien biss każ ta’ false alarm dak li ġiegħel lill-Gvern Malti ma jħallix vapur jidħol f’pajjiżna kawża ta’ raġel li ħasbu li għandu l-virus tal-Ebola. Wara li l-vapur ma tħalliex jidħol pajjiżna, dan ittieħed u eventwalment iddaħħal Sqallija, fejn għadu qed jingħata l-kura.

Wara l-biża’ li l-awtoritajiet Maltin kellhom ilbieraħ, testijiet mediċi li saru fi sptar fi Sqallija wasslu biex ikun stabbilit li r-raġel m’għandux l-Ebola, iżda l-Epatite.

Wara li l-awtoritajiet Maltin ħasbu li r-raġel seta’ kellu l-virus tal-Ebola mis-sintomi li spjegawlhom b’telefonata, l-awtoritajiet Sqallin waslu għall-konklużjoni preċiża wara li r-raġel tniżżel minn fuq il-vapur merkantili, ittieħed l-Isptar ta’ Modica u sarulu t-testijiet meħtieġa.

Il-possibbiltà li r-raġel abbord il-vapur merkantili għandu l-virus tal-Ebola tħabbret ilbieraħ mill-Prim Ministru Joseph Muscat f’komunikat informali mal-media. Prezenti ghal il-komunikat kien hemm diversi ministri, d-deputat kmandant tal-armata u l-avukat generali.

Fil-komunikat, Muscat qal li jemmen li d-deċiżjoni meħuda mill-Gvern Malti kienet waħda moralment tajba. Qal ukoll li f’okkażjonijiet oħrajn bħal dawn, il-Gvern se jkompli jimxi mal-Liġi u skont il-Protokoll tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa.

L-aħħar żviluppi dwar saħħet ir-raġel abbord il-vapur merkantili saru magħrufa mill-media Taljana.