Kunsilli Lokali Lokali

Il-Kunsill tal-Belt tiżappuntat għax ma kienx ikkonsultat mill-Gvern dwar l-attivitajiet ta’ għada

Il-Kunsill Lokali tal-Belt hu diżappuntant għal kif qed jagħżel li jkompli jimxi l-Gvern b’nuqqas ta’ konsultazzjoni fl-ippjanar u l-loġistika tal-programm ta’ ċelebrazzjonijiet biex jitfakkar il-50 anniversarju tal-Indipendenza. Fi stqarrija, il-Kunsill Lokali tal-Belt qal li wieħed għandu jifhem li parti kbira mill-programm li qed iħejji l-Gvern għal dan il-jum se jkun qed jolqot direttament lir-residenti Beltin u dawk li se jkunu qed jidħlu l-Belt biex jiċċelebraw dan l-avveniment.

Il-Kunsill qal li għaldaqstant, il-loġika tgħidlek li l-organizzaturi għandhom ifittxu konsultazzjoni mal-Kunsill Lokali fl-aħjar interess ta’ kulħadd. Madankollu, il-Gvern qed jagħżel triq oħra billi jinjora lill-Kunsill Lokali tal-Belt u f’laqgħa ta’ kordinazzjoni li saret l-Erbgħa li għadda, il-Kunsill Lokali ma kienx mistieden biex ikun rappreżentant u biex ikun infurmat bl-arranġamenti kollha li se jkun hemm għal dan il-programm ta’ ċelebrazzjoni. Filwaqt li wieħed jifhem li għal attivitajiet bħal dawn, ikun hemm bżonn tibdil fis-sistema tat-traffiku, hu neccessarju li il-Kunsill jigi ikkonsultat ħalli l-impatt fuq ir-residenti, il-komunità kummerċjali u kulmin se jidħol fil-Belt ikun kemm jista jkun imnaqqas.

Il-Kunsill Lokali tal-Belt iħoss li dan l-aġir ikompli juri n-nuqqas ta’ konsultazzjoni li dan il-Gvern qed jagħżel li jimxi biha, tant li din mhix l-ewwel darba li l-Gvern jorganizza attivitajiet fil-Belt mingħajr ma jinforma lill-Kunsill Lokali. Dan mhux il-mod ta’ kif Gvern li jgħid li jemmen fil-konsultazzjoni, speċjalment mal-Kunsilli Lokali, għandu jimxi. Għalhekk, il-Kunsill appella iex f’ġieħ is-sewwa u fl-aħjar interess ta’ kulħadd, il-Gvern jikkonsulta mal-Kunsill Lokali tal-lokalità fejn tkun qed tiġi organizzata kwalunkwe attivita’, speċjalment jekk din tkun ta’ daqs kbir bħal mhu fil-każ tal-attività ta’ għada filgħaxija fil-Port il-Kbir.

Il-Kunsill Lokali tal-Belt sostna li ma jistax jifhem għalfejn il-Gvern qed jimxi b’dan il-mod, filwaqt li ħeġġeġ lil min hu responsabbli biex iġib l-interess nazzjonali qabel passjoni politika fl-aħjar interess tal-poplu kollu u mhux biss tar-residenti Beltin. Fuq kollox, jekk dan l-avveniment hu ta’ unità nazzjonali, il-Gvern kellu aktar jinvolvi lill-Kunsill Lokali tal-Belt ħalli tabilħaqq l-avveniment ikun wieħed nazzjonali u mingħajr ebda kuluri politiċi, temmet tgħid l-istqarrija.