Sport Sport Ieħor

Jake Darmanin Champion Nazzjonali U/20

ĊESS: Jake Darmanin rebaħ il-Kampjonat nazzjonali taċ-Ċess U/20 għar-raba’ sena konsekuttiva, wara li rebaħ il-logħob kollu – ħamsa b’kollox. 

Għal Darmanin li għadu kif għalaq l-20 sena, din hi l-aħħar parteċipazzjoni tiegħu f’din il-kategorija tal-Juniors. Huwa jikkwalifika wkoll għall-finali tal-Kampjonati Nazzjonali li se jsiru iktar tard f’Ottubru fejn fihom isir magħruf iċ-Champion ta’ Malta.

Fl-U/20, Darmanin għeleb lil Isaac Portelli, Michael Farrugia, Jamie Farrugia, Timothy Portelli u Ariana Axiaq. L-aħħar round kien hemm sfida eċċitanti fuq il-bord taċ-ċess għat-tieni post, bejn Jamie Farrugia u Ariana Axiaq bi tliet punti kull wieħed u Timothy Portelli b’żewġ punti u nofs. Farrugia irnexxielha tieħu t-tieni post u t-titlu tan-nisa tal-U/20 bi draw kontra Portelli. Axiaq ħadet it-tielet post bi skor superjuri (tiebreak score) fuq Portelli u Matthias Gatt.

Gatt li għandu 11-il sena, rebaħ tliet logħbiet kontra Isaac, Michael u Martina Portelli sabiex finalment rebaħ it-titlu tal-U/16. Matthew Conti kellu bidu tajjeb meta tilef biss nofs punt fl-ewwel żewġ rounds imma imbagħad ġie megħlub miż-żewġ plejers nisa tat-tim nazzjonali, Farrugia u Axiaq.

Ir-rebbieħa kienu dawn:

Malta Junior Champion:  Jake Darmanin
Women Junior Champion: Jamie Farrugia
Best U18:  Ariana Axiaq
U18 Raġel: Timothy Portelli
Best U16: Matthias Gatt
U16 Mara: Martina Portelli