Lokali Qorti

Jammetti li fera ħafif lil omm uliedu

Raġel minn Birżebbuġa ammetta quddiem il-Maġistrat Anthony Vella li fera lil omm iż-żewġ uliedu wara argument sħun li nqala’ bejniethom. Wayne Borg ta’ 22 sena ġie lliberat bil-kundizzjoni li ma jwettaqx reat ieħor fi żmien sentejn wara li ħebb għal Roxanne Schiavone.

L-inċident seħħ meta huwa mar jiġbor lil uliedu mingħand l-ex sieħba tiegħu, li tiġi wkoll omm it-tfal. L-argument tant eskala li spiċċa anke fit-toroq ta’ Birżebbuġa. Meta l-omm rat li Borg kien se jkun xi ftit aggressiv hija marret għand ħabiba tagħha għall-protezzjoni.

Borg wara mar għand fejn kienet Schiavone u l-argument reġa’ beda. Hawn il-ġlieda skalat meta l-missier faqa’ l-bieb ġewwa, u beda jisħaq li ried ikellem lil ex tfajla tiegħu, u li ried jara lil uliedha, peress li dak kien il-ħin li suppost jaqgħu taħt il-kustodja tiegħu.

Il-Pulizija waslu fuq il-post biex jikkalmaw is-sitwazzjoni, iżda Wayne Borg irreżista l-arrest u anke ħebb għal żewġ Pulizija. Minbarra l-liberta’ bil-kundizzjoni, l-Qorti ħarġet ordni ta’ protezzjoni fil-konfront tal-ex sieħba tiegħu u l-ħabiba tagħha Francesca Aquilina. Huwa ġie ordnat ukoll iħallas is-somma ta’ €270 f’danni li huwa kkawża fil-bieb ta’ barra tar-residenza ta’ Aquilina.