Eġizzjan ta’ 45 sena għamel dikjarazzjoni falza u dan biex permezz ta’ estorsjoni u qerq idaħħal somma flus minn żvilupp ta’ propjeta’. Dan ħareġ minn dak li qalet l-Ispettur Yvonne Farrugia mis-sezzjoni tar-Reati Ekonomiċi li qalet li Islam Taufiq, kaħħal speċjalizzat fil-“gypsum’ iffirma żewġ dikjarazzjonijiet foloz fejn qal li għandu jieħu s-somma ta’ €16,800 mill-Grupp Bilom Ltd. Huwa qal li kellu jieħu l-flus għal servizzi li għamel lil ħames kumpaniji sussidjarji tal-grupp.
Minn naħa tiegħu id-Direttur tal-grupp Michael Bugeja qal li hu qatt ma qabbad lil Taufiq biex jagħmel dan ix-xogħol . Bugej qal li huw kien qabbad lill-akkużat biex jagħmillu xogħol ta’ “gypsum” f’żewġ propjetatjiet tal-kumpanija tmien snin ilu.
Qal li ma kienx sodisfatt bix-xogħol li għamillu Taufiq u kien keċċieh wara li ħallsu ta’ kollox. Minn hemm il-quddiem, qal Bugeja, qatt ma sema’ b’aħbaru. Taufiq issa q ed jgħid li għandu jieħu l-flus għal xogħol li huwa għamel fl-aħħar xhur, iżda mill-investigazzjoni tal-Pulizija jirriżulta li l-appartamenti li fihom qed jgħid li ħadem l-Eġizzjan, ilhom lesti u ilhom li nbiegħu.
Bugeja qal ukoll li l-proġetti nkwistjoni ma kienux żviluppati mill-ħames kumpaniji sussidjarji msemmija u li semma’ l-akkużat, iżda minn tliet kumpaniji sussidjarji oħra tal-grupp. Tlieta mill-kumpaniji msemmija minn Taufiq ma kienux involuti fix-xogħol u għahekk dawn qatt ma setgħu għamlu kuntatt miegħu biex jagħmel xogħol ta’”gypsum”. L-akkużat lanqas m’għandu prova li huwa għamel ix-xogħol li qed isemmi. Il-każ ikompli.
//= $special ?>