Sport Sport Ieħor

‘Kont inkun l-aqwa plejer li kieku ma waqajtx fil-vizzju tad-droga’ – Maradona

FUTBOL: L-eks plejer leġġendarju Arġentin Diego Armando Maradona stqarr li, li kieku qatt ma waqà fil-vizzju tad-droga kien ikun plejer aħjar milli kien u x’aktarx l-aqwa plejer li qatt kien hawn. Maradona, li llum-il ġurnata għandu 53 sena waqà f’dan il-vizzju f’nofs is-snin tmenin meta kien jilgħab ma’ Napoli.

Maradona stess dejjem ammetta li mis-snin 80 sal-bidu tas-snin 2000 kien jagħmel użu mid-droga.
Fl-1991 Maradona kien sospiż għal 15-il xahar minħabba li kien instab pożittiv għad-doping.

“Li kieku ma ħadtx droga f’ħajti kont inkun plejer aqwa milli kont u x’aktarx ħadd ma kien ikun tal-livell tiegħi. Qabel ma bdejt nilgħab fl-Ewropa kont naf li bit-teknika tiegħi kont kapaċi negħleb kull avversarju.

Kont nintebaħ fil-grawnd li kien ikolli l-ballun f’saqajja anke l-partitarji avversarji kienu jentużmażjaw ruħhom,” qal Maradona.

Maradona kien jilgħab ma’ Boca Juniors qabel ma ingħaqad ma’ Barcelona fl-1982 għas-somma rekord ta’ 5 miljun lira sterlina. Wara kien mar jilgħab fl-Italja ma’ Napoli li ħallsu s-somma rekord ta’ seba’ miljun lira sterlina. Bla dubju l-aqwa perjodu tal-karriera ta’ Maradona kien lejn nofs is-snin 80 fejn fl-1986 rebaħ it-Tazza tad-Dinja fil-Messiku.

“It-tfal tiegħi jafu li minkejja li għandi 53 sena jien inħossni ta’ 78. Ma għixtx ħajja normali u issa qed inħoss l-effetti kollha,” temm jgħid Maradona.