Internazzjonali

Mewt minħabba Facebook

L-IRAN: Soheil Arabi, ta’ 30 sena, kien ikkundannat għall-mewt wara li nstab ħati li insulta lill-Profeta Mohammad fuq Facebook.

Skont l-International Campaign for Human Rights in Iran, Arabi kellu tmien kontijiet differenti fuq Facebook b’isimijiet differenti, u ammetta li kien poġġa xi kitba kontra l-Profeta Mohammad.

Hu kien arrestat f’Novembru flimkien ma’ martu. Arabi kien sostna li kien kiteb dak li kiteb mingħajr ma ħaseb dwar dak li kien qed jagħmel, u meta kien mentalment imkisser. Issa nstab ħati li insulta lill-Profeta Mohammad u kien ikkundannat għall-mewt. L-alternattiva għal din il-piena għal akkuża simili, jekk jirriżulta li wieħed ikun insulta lill-Profeta Mohammad b’rabja jew żball, hi 74 daqqa ta’ frosta. Hu għandu sal-lum is-Sibt biex jappella mis-sentenza.

Jirriżulta li hu nżamm maqful waħdu f’ċella għal xahrejn fil-Ħabs ta’ Evin qabel ma kien ikkundannat u martu kienet inħelset.