L-UKRAJNA: Investigatur anonimu offra premju ta’ $30 miljuni għall-provi ‘konklussivi u irrifjutabbli’ dwar min kien waqqa’ l-ajruplan tal-Malaysia Airlines – jew Titjira MH17 — waqt li kien għaddej fuq il-fruntiera tal-Ukrajna mar-Russja.
Filwaqt li l-identita tal-persuna jew organizzazzjoni wara din l-offerta għandha tibqa’ misteru, is-somma ta’ flus fenomenali hi akbar mill-$25 miljuni li l-Istati Uniti, snin ilu, kienet offriet għall-informazzjoni dwar il-moħba tat-terrorista Osama bin Laden.
Fil-fatt, il-premju hu fost l-akbar li qatt kienu offruti fl-istorja, bl-offerta ssir permezz tal-aġenzija Ġermaniża Wifka għall-investigazzjonijiet privati li qed tgħid li ‘lanqas hi’ ma taf bl-identita tal-klijent misterjuż.
L-ajruplan tal-Malaysian Airlines iġġarraf f’Lulju, fl-artijiet tal-Ukrajna, u bir-riżultat li mietu l-283 passiġġiera u l-ħmistax il-membru tal-ekwipaġġ abbord. Il-Mexxejja tal-Punent jemmnu li l-ajruplan – tat-tip Boeing 777 – twaqqa’ wara li ntlaqat minn missila tat-tip surface-to-air li kienu sparaw ir-ribelli separatisti fl-Ukrajna tal-Lvant.
Dawn is-separatisti jiffavorixxu l-għaqda mar-Russja u rapport preliminarju tas-Safety Board Olandiż kien konsistenti mat-teorija inkwistjoni. Madankollu, hu minnu li l-awtoritajiet fl-Olanda u l-Ukrajna għadhom qed jistennew il-provi konklussivi dwar min ‘tassew’ spara l-missila.
Joseph Resch, tal-aġenzija Wifka, qal lill-ġurnal Ġermaniż Capital li ‘kulħadd jista’ jinxtara u meta l-kwistjoni ewlenija tinvolvi biss il-prezz’. Sadanittant, hu spjega li l-klijent misterjuż anki qed joffri ‘identita ġdida’ lill-persuna jew persuni li jressqu informazzjoni konkreta u ġenwina dwar x’wassal għad-destin kiefer ta’ MH17.
Iżda waqt li Resch ‘m’għandux dubju li l-offerta hi ġenwina’, hu ma jistax jixħet dawl fuq l-identita tal-persuna jew persuni warajha. Madankollu hu m’hu jeskludi lil ħadd, fosthom l-aġenziji tas-sigurta u ‘l-oligarki Russi li, forsi, jixtiequ jagħmlu l-ħsara lill-President tar-Russja, Vladimir Putin’.
//= $special ?>