Internazzjonali Sport Sport Ieħor

Qed jonfqu £100,000 fil-ġimgħa biex jikkuraw lil Schumacher

Il-familja tal-eks sewwieq tal-Formula 1 Michael Schumacher (fir-ritratt) qed jonfqu madwar mitt elf lira sterlina fil-ġimgħa biex jikkurawh fid-dar tiegħu fl-Iżvizzera wara l-inċident gravi li sofra f’Diċembru li għadda.

Schumacher li għandu 45 sena kien tpoġġa f’koma wara inċident meta kien qed jiskijja fl-Alpi u ħabat rasu.

Għall-bidu kien fi sptar fi Grenoble fi Franza u f’Ġunju kien intbagħat fi sptar fil-belt ta’ Lausanne fl-Iżvizzera.

Fid-9 ta’ Settembru intbagħat lura d-dar u rapporti fil-midja qed jgħidu li l-familja qed tħallas lil madwar 15-il speċjalista li qed ikunu dejjem preżenti fir-residenza tas-seba’ darbiet champion tad-dinja. Ir-residenza tiegħu li hi madwar 25 mil ‘il bogħod minn Lausanne.

Schumacher, eks sewwieq tal-Ferrari rebaħ seba’ titli mondjali. Hu kien kiseb l-ewwel rebħa fl-1992 meta kien rebaħ il-GP tal-Belġju filwaqt li l-aħħar rebħa walset fl-2006 fil-GP taċ-Ċina. B’kollox rebaħ 91 tellieqa u kiseb 155 pole position.