Internazzjonali

Tissaħħaħ is-sigurta madwar il-Parlament

L-AWSTRALJA: Jidher li l-allert minħabba attakk terroristiku fl-Awstralja m’hu qed ibatti xejn.

Wara li l-Ħamis sar dak li qed jitqies bħala l-akbar rejd kontra t-terroriżmu fil-pajjiż, ilbieraħ il-prim Ministru Tony Abbot ħabbar li l-Pulizija Federali Awstraljana kienet se tibda tgħasses il-Parlament f’Canberra. Dan għaliex kien hemm suspetti li jista’ jkun mira ta’ attentat.

Abbot qal li minn investigazzjonijiet, irriżulta li l-Parlament Awstraljan kien mira potenżjali tal-militanti Islamiċi. Hu qal li s-servizzi tas-sigurta kienu lemħu messaġġi bejn militanti Islamiċi li jindika l-possibbilta ta’ attakk terroristiku kontra l-Gvern Awstraljan u jidher li fil-mira hemm il-Parlament.

S’issa s-sigurta madwar il-Parlament kien f’idejn għassiesa imma issa se jkunu l-Pulizija Federali li se jieħdu ħsieb il-bini.

Dwar ir-rejd tal-Ħamis, Abbot qal li l-forzi tazs-sigurta kellhom jaġixxu malajr għaliex l-indikazzjonijiet kienu li minn ħin għall-ieħor, militanti Islamiċi kienu se jwettqu esekuzzjoni pubblika fl_Awstralja. Fir-rejds 15-il persuna kienu arrestati.

rapporti fil-media Awstraljana qalu li kienet interċettata telefonata mill-ogħla uffiċjal tal-Istat Islamiku fl-Awstralja fejn dan ta l-ordni beix fl-Awstralja jingħata bidu ta’ sensiela ta’ qtugħ tar-ras tan-nies bl-addoċċ. Fis-sens li dawn kellhom jaqbdu nies mill-pubbliku u jiffilmjaw il-qtugħ tar-ras tagħhom.
B’rabta ma’ dan żewġt irġiel diġa tressqu l-qorti, wieħed ta’ 22 sena u ieħor ta’ 24 sena.