Qorti

Tliet snin ħabs dwar traffikar ta’ eroina

Anthony Borg, ta’ 51 sena minn Ħaż-Żebbuġ, ġie kkundannat tliet snin ħabs u mmultat €2,500 wara li nstab ħati li fl-1999 u fl-2002 kien jittraffika d-droga eroina. Fl-ewwel okkażjoni biss kienu nstabu 27 qartas, b’uħud minnhom jinstabu f’bajda taċ-ċikkulata. Bħal fl-ewwel okkażjoni, il-Pulizija solvew il-każ meta marru fir-residenza ta’ Borg u sabu d-droga, kif ukoll iltaqgħu ma’ persuni li marru fil-post biex jixtru d-droga.

Il-każ instema’ quddiem il-Maġistrat Natasha Galea Sciberras, bl-ewwel investigazzjoni ssir mill-Assistent Kummissarju Norbert Ciappara, dak iż-żmien Spettur. Fis-16 ta’ April 1999, l-Pulizija marru fir-residenza ta’ Borg wara informazzjoni li daħlitilhom.

Borg tressaq il-Qorti, mixli li dakinhar u fix-xhur ta’ qabel ittraffika d-droga eroina u li d-droga kienet fil-pusses tiegħu, f’ċirkostanzi li juru li ma kinitx għall-użu esklussiv tiegħu. Kien ġie akkużat ukoll b’akkużi simili, meta fis-17 ta’ Frar 2002 ittraffika d-droga eroina. Fiż-żewġ okkażjonijiet, l-akkuża kienet tgħid li wettaq ir-reat flimkien ma’ persuni oħrajn.

Fis-16 ta’ April 1999, għall-ħabta tas-6pm, il-Pulizija mill-Iskwadra ta’ Kontra d-Droga marru fir-residenza ta’ Borg, li kien fuq il-bejt tal-blokk ta’ appatamenti flimkien ma’ sħabu Mario u Josmar Borg. Mit-tfittxija li saret fuq il-bejt ta’ Borg ma nstab xejn, iżda minn fuq il-bejt tal-binja ħdejh instabet kapsula tal-plastik b’numru ta’ qratas tal-karti bi trab kannella u biċċa foil, li kien fiha biċċa tal-plastik żgħira trasparenti, li wkoll kien fiha trab kannella.

L-Ispettur Mario Borg qal li meta marru, il-Pulizija sabu l-bieb li jagħti għall-bejt magħluq u wara ftit sew li ħabtu, kien mar jiftħilhom Mario Borg. Kif il-Pulizija kienu se jitilqu mill-post, mar iħabbat fuq il-bieb ċertu Anthony Abela, li kellu f’idu Lm5 biex jgħaddihom lil Anthony Borg. Dan u l-persuni l-oħrajn preżenti spiċċaw arrestati. Abela qal li mar għand Anthony Borg għax kellu jagħtih xi flus, iżda l-Qorti m’emmnitx dan l-argument.

Fix-xhieda tiegħu, Mario Borg qal li dak iż-żmien kien jabbuża mid-droga. Qal li kien imur għand Ninu (Anthony Borg) biex jagħmillu xi xogħol fil-gallinar u li xi drabi kien iħallsu bi droga għax-xogħol li jagħmel minflok ma jagħtih il-flus. Qal li dakinhar, Ninu kien tah madwar tliet pakketti droga minflok flus.

Dwar Josmar Borg, il-persuna l-oħra li kienet fuq il-bejt, qal li lil dan rah xi darbtejn fuq il-bejt u li darba mar jarah l-Isptar ma’ Ninu. Mistoqsi kif kien sar jaf lil Ninu, qal li kien iltaqa’ miegħu ħdejn l-Uffiċċju tas-Sigurtà Soċjali f’Ħaż-Żebbuġ u b’referenza għall-eroina kien qallu li “jekk tkun trid xi ħaġa, għandi”.

Anthony Borg kien qal li fejn instabet id-droga, fil-post li qed jinbena ħdejh, mhux tiegħu u li l-bejt hu maqsum bejn tlieta. Qal li kellu ħbieb jgħinuh fil-gallinar, fosthom Josmar Borg, li għandu ħanut il-Fgura u li miegħu ġieli kien ipartat il-videos ma’ xi klieb.

Min-naħa tiegħu, fl-ewwel stqarrija Josmar Borg qal li hu qatt ma xtara d-droga mingħand Anthony Borg, iżda fit-tieni stqarrija qal li ġieli xtara mingħandu. Sar jaf li kien ikollu d-droga għax beda jara nies għandu li kienu jkunu d-Detox. Qal li Anthony Borg kien ibiegħ id-droga bil-Lm5 jew l-Lm10.

Xhud ieħor li beda jibża’ jixhed kien Philip Agius għax, skont hu, darba kien mar il-Ħabs għal xejn. Għall-ewwel, hu qal li qatt ma xtara droga mingħand Borg, iżda wara qal li kien xtara darba. Qal li fit-tieni każ meta l-Iskwadra ta’ Kontra d-Droga marret għand Anthony Borg, sabu ħdejn il-bieb lil ċertu Charlot Sammut, b’Lm10 f’idejh.

Mill-informazzjoni li ġabru l-Pulizija, bħal Anthony Borg dan kien irabbi l-ħamiem u qal ukoll lill-Pulizija li kien mar hemm biex jixtri d-droga. Sammut kien ġie arrestat ukoll u qal lill-Pulizija li kien iħobb il-ħamiem u li darba biss xtara d-droga mingħand Anthony Borg. Il-Qorti ordnat li d-droga tiġi meqruda.