Ambjent Lokali

Il-Gvern jagħlaq l-istaġun tal-kaċċa

Aġġornata – Il-PN jgħid li din setgħet kienet evitata, kieku l-Gvern mexa b’serjeta’ mill-bidu nett.

L-inċidenti tal-aħħar jiem fejn persuni kriminali sparaw b’ mod kontinwu lejn influss akbar mis-soltu ta’ tajr protett wassal lill-Gvern biex jiddeċiedi li jagħlaq l-istaġun tal-kaċċa fil-ħarifa immedjatament.
Hekk stqarr il-Gvern fi stqarrija fejn qal li l-maġġoranza l-kbira tal-kaċċaturi jipprattikaw id-delizju tagħhom bl-aktar mod responsabbli u serju. Madankollu minoranza zgħira ħafna ta’ kriminali qed ikissru d-delizju tal-kaċċa b’detriment lejn min hu responsabbli.

Lanqas deċizjoni għaqlija tal-Pulizija li tappella minn deċizjoni tal-Qorti biex wieħed mill-kriminali li nqabad jintbagħat direttament il-ħabs ma serviet ta’ deterrent, tenna l-Gvern.

Hu qal li diġa’ kien wissa li aġir bħal dan jista’ jwassal għal passi drastiċi, tgħid l-istqarrija. Dan il-pass issa ttieħed. Għalhekk, il-Gvern iddeċieda li jagħlaq l-istaġun tal-kaċċa sal-10 ta’ Ottubru 2014, meta tkun spiċċat il-passa tal-għasafar protetti, temmet tgħid l-istqarrija.

L-aħbar tal-għeluq tal-istaġun tal-kaċċa ħarġet wara li fil-jiem li għaddew l-Federazzjoni Kaċċatturi Nassaba Konservazzjonisti, l-FKNK fi stqarrija qalet li l-Gvern jista’ jieħu dan il-pass jekk jara li jibqgħu jinqatlu t-tjur protetti. Iżda fi stqarrija lbieraħ, l-FKNK qalet li l-miżura tal-Gvern hi inġustifikata u qatt m’għandha tittieħed f’soċjeta’ ċivilizzata. Dan filwaqt li l-FKNK allegat li d-deċiżjoni tal-Gvern kienet ibbażata fuq rapport qarrieqi ta’ qtil ta’ ċikonja minn membri tal-Fondazzjoni BirdLife.

B’kuntrast id-deċiżjoni tal-Gvern intlaqgħet tajjeb mill-Fondazzjoni Bird Life, li filwaqt li faħħar l-għeluq tal-istaġun, talab lil Gvern biex jagħmel reviżjoni sħiħa tal-liġijiet li għandhom x’jaqsmu mal-kaċċa f’Malta.

ummenti simili mill-Kumitat kontra l-Qtil tat-Tjur, il-CABS, li ddeskriviet id-deċiżjoni bħala waħda storika, li ttieħdet wara xhur sħaħ ta’ passivita’ min-naħa tal-Gvern. Din L-Art Ħelwa wkoll kellha kliem ta’ tifħir għad-deċiżjoni, iżda qalet li din kellha tittieħed minħabba l-illegalitajiet li seħħu fl-aħħar xhur u li komplew jitqanqlu minn deċiżjonijiet żbaljati li l-Gvern għamel iktar kmieni, fosthom li jneħħi l-curfew fuq il-kaċċa.

B’kuntrast ta’ dan kollu tkellmet ukoll l-għaqda Kaċċaturi San Ubertu li qalet li, fl-istess linja ta’ dak li tenniet l-FKNK, qalet li d-deċiżjoni tal-Gvern tirrifletti ħażin fuq l-isforzi tiegħu biex jirregola l-kaċċa. Il-Kaċċaturi San Ubertu kwotaw lil Gvern u kellhom kliem iebes għal mod kif dawn il-miżuri se jkollhom riperkussjonijiet fuq kulħadd meta il-Gvern stess qal li kienet biss minoranza żgħira li kisret il-liġi. Kaċċaturi San Ubertu ikkundannat bla riservi l-kaċċa illegali iżda ddeskriviet il-miżuri li ttieħdu bħala miżuri “drakonjani”, fi żmien meta s-soluzzjoni tinstab permezz tad-djalogu u l-konsultazzjoni.

Tqanqlet ukoll ir-reazzjoni tal-partiti politiċi, bl-Alternattiva Demokratika tgħid li filwaqt li tilqa’ d-deċiżjoni tal-Gvern, tħoss li din il-miżura ttieħdet tard wisq u d-drawwiet ta’ ċertu kaċċaturi li taħt Gvern Laburista draw li jistgħu jagħmlu li jridu issa diffiċli li jitbiddlu.

Intant fi stqarrija l-Partit Nazzjonalista laqa’ d-deċiżjoni tal-Gvern u qabbilha ma’ dik li kien għamel Gvern Nazzjonalista fl-2007, minkejja l-kritika tal-Oppożizzjoni Laburista. Dakinhar id-deċiżjoni kienet ittieħdet wara massakru tal-barbaġġan.

Il-Partit Nazzjonalista qal li d-deċiżjoni tal-lum setgħet kienet evitata li kieku l-Gvern kien serju mill-bidu nett wara li għamel żmien twil juri li qed jittolera l-illegalita’, bħal meta neħħa l-curfew li kien addotta l-Partit Nazzjonalista bil-kaċċa tkun permessa sat-3pm u mhux sas-7pm. L-istess jgħodd għal meta l-Gvern wettaq numru kbir ta’ transfers fis-sezzjoni tal-ALE.

Għaldaqstant id-deċiżjoni li jingħalaq l-istaġun tal-kaċċa llum setgħet kienet evitata li kieku l-Gvern kien aktar serju mill-bidu nett, temm jgħid il-Partit Nazzjonalista.