Fuq stedina tal-membru tal-Kungress Amerikan Robert Pittenger, l-Ispeaker tal-Kamra tar-Rappreżentanti Maltin, Anġlu Farrugia fl-aħħar jiem ipparteċipa f’Forum Parlamentari dwar l-Intelliġenza u s-Sigurta’. Hu kien akkumpanjat mill-Kelliem u Whip għan-naħa tal-Gvern, Carmelo Abela.
Il-forum, li kienet organizzata fil-kapitali Amerikana Washington, rat il-partrċipanti jkollhom numru ta’ laqgħat mal-membri tal-Kungress Amerikan, fejn iddiskutew temi kurrenti bħat-theddia tal-Istat Iżlamiku, l-Ispjunaġġ u t-Terroriżmu.
Min-naħa tiegħu, Farrugia tkellem dwar l-irwol ta’ Malta fil-kriżi Libjana, fejn saħaq li pajjiżna, bħala pajjiż newtrali u kredibli, għandu ħafna x’joffri f’dan ir-rigward.
Malta rċeviet ukoll ringrazzjament għal mod kif laqgħet l-Ambaxxatur tal-Istati Uniti għal Libja u għenitu jaqdi dmiru minn pajjiżna.
Fost dawk li attendew għal dan il-forum kien hemm numru ta’ pajjiżi Ewropej, fosthom l-Awstrija, il-Kroazja, l-Estonja, il-Finlandja, il-Ġorġja, il-Ġermanja, l-Ungerija, l-Italja, il-Montenegro, il-Portugal, ir-Rumanija u r-Renju Unit.
//= $special ?>