It-tiġrif ta’ saqaf f’sit ta’ kostruzzjoni f’Bulebel wassal biex Charles Fenech ta’ 48 sena miż-Żejtun jitlef ħajtu iktar kmieni illum, għal ħabta tad-9.30am. L-inċident, li seħħ fi Triq Tarxien fiż-Żejtun, wassal ukoll biex iweġġa’ Raymond Fenech, ta’ 41 sena miż-Żejtun, li jiġi ħu l-vittma u li ttieħed l-isptar Mater Dei b’ambulanza.
L-inċident seħħ waqt li kien qed isir xogħol ta’ kostruzzjoni fuq farmhouse, u fil-post kien hemm erbat irġiel oħra, li fortunatament ma weġġgħux.
Fuq il-post issejjħu membri mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili kif ukoll team mediku mill-isptar. Sfortunatament, kawża tal-ġrieħi li ġarrab ir-raġel tilef ħajjtu u ġie ċċertifikat mejjet fuq il-post. Għadu mhux magħruf x’wassal għal dan l-inċident.
Bil-każ ġiet infurmata l-Maġistrat tal-Għassa Doreen Clarke li ħatret diversi esperti biex jassistuha fl-inkjesta. Il-Pulizija tinsab għaddejja bl-investigazzjonijiet tagħha.
//= $special ?>