Lokali

Id-Djoċesi ta’ Għawdex qed tiċċelebra il-150 sena mit-twaqqif tagħha

Id-Djoċesi ta’ Għawdex qed tiċċelebra il-150 sena mit-twaqqif tagħha – djoċesi li twaqqfet mill-Beatu Papa Piju IX, fis-16 ta’ Settembru 1864. F’dawn il-150 sena, f’Għawdex ġew ordnati 613-il saċerdot, fi żmien 8 Isqfijiet differenti u żewġ amministraturi Appostoliċi. Id-Djoċesi Għawdxija welldet ukoll diversi vokazzjonijiet ta’ qassisin li llum qed iservu fil-missjoni. F’dawn il-150 sena l-aktar parroċċi li minnhom ħarġu qassisin kienu dawk tar-Rabat, in-Nadur u x-Xagħra.

Nibqghu f’Għawdex.

Madwar 120 zagħzugħ u zagħzugħa, kollha Għawdxin, qed jieħdu sehem fil-musical Dun Ġorġ, li jittratta l-istorja tal-Qaddis Malti San Ġorġ Preca b’mod differenti. Il-musical jinkludi 24 diska jew biċċa mużika differenti u orkestra ta’ 25 ruħ.

Il-musical ittella’ għall-ewwel darba f’Għawdex f’Novembru li għadda u f’ġimgha marru jarawh 3,000 persuna inkluż l-eks Segretarju Privat tal-Papa Monsinjur Alfred Xuereb. Il-musical issa se jittella’ f’Malta fl-Istitut Kattoliku fis-26 u t-28 ta’ Settembru li ġej. Bħalissa l-musical qed jinqaleb ghat-Taljan u se jkun qed jittella’ fl-Italja bil-parteċipazjoni taż-żgħażagħ Għawdxin f’April li ġej.