Il-Papa Franġisku għamel żjara ta’ jum fl-Albanija, li kienet l-ewwel waħda tiegħu f’pajjiż Ewropew barra l-Italja u fejn hu ikkonċelebra l-quddies, f’Tirana, għal għexieren ta’ eluf ta’ Albaniżi li ġejjin minn kull denominazzjoni reliġjuża.
Fil-Quddiesa ħa sehem, fost oħrajn, l-Isqof Malti Ġorġ Frendo OP, Isqof Awżiljarju ta’ Tirana u Durres, li kellu f’idejh ukoll parti kbira mill-organizzazzjoni ta’ din iż-żjara.
Il-Kap tal-Kattoliċi, qabel, kien faħħar il-koeżistenza bejn ir-reliġjonijiet fl-Albanija (pajjiż fejn il-maġġoranza huma Musulmani) u sostna li din għandha sservi ta’ mudell għall-pajjiżi l-oħra.
Intant, hu anki uża l-okkażjoni biex jikkundanna l-manipulazzjoni tar-reliġjon, minbarra ‘l-attentati perversi biex ir-reliġjon jintuża bħala ġustifikazzjoni għall-vjolenza’.
Iż-żjara tal-Papa fl-Albanija kienet ipprogrammata għal ħdax-il siegħa biss u fejn hu, fost oħrajn, iltaqa’ mal-Kapijiet ta’ diversi komunitajiet reliġjużi, minbarra l-President Albaniż, Bujar Nishani u membri ewlenin tal-Gvern.
Waqt il-laqgħa tiegħu mal-Uffiċjali tal-Gvern, il-Papa Franġisku faħħar ir-rispett komuni bejn il-Musulmani u l-Kristjani fil-pajjiż u li fisser bħala ‘don mill-aktar prezzjuż’.
Hu innota s-sinifikat ta’ dan kollu fi żminijiet meta l-gruppi tal-estremisti qed itappnu l-ispirtu awtentiku tar-reliġjon minbarra li jippreżentaw id-differenzi reliġjużi minn lenti qarrieqa.
Il-Kap tal-Kattaliċi, intant, insista biex ‘ħadd ma jikkunsidra lilu nnifsu bħala difensur ta’ Alla waqt li hu ikun qed iwettaq l-atti vjolenti u oppresivi’. Il-messaġġ qed jitqies bħala referenza għall-grupp terroristiku Stat Iżlamiku (IS) li ħataf territorji tal-Iraq u s-Sirja fejn qed jippersegwita lid-diversi gruppi reliġjużi fl-inħawi.
Din hi biss it-tieni darba li Kap tal-Kattoliċi żar l-Albanija wara li l-Papa Ġwanni Pawlu t-Tieni kien ivvjaġġa lejn dan il-pajjiż fl-1992; proprju sena biss wara li kkrollat is-sistema komunista fil-pajjiż partikolari.
Fil-fatt, il-Papa Franġisku kien qal li xtaq ħafna li jżur l-Albanija ‘għaliex dan il-pajjiż kellu jgħaddi minn tbatija kbira’. Iż-żjara hi wkoll sinifikanti għaliex l-eks dittatur komunista tal-Albanija, Enver Hoxha, kien ipprojbixxa r-reliġjon f’pajjiżu, li, qabel id-disgħinijiet, dam is-snin iżolat mill-kumplament tad-dinja.
Hu minnu li numru ta’ qassisin Kattoliċi spiċċaw maqtula fl-Albanija komunista, b’xi elfejn knejjes u ħafna moskej jinqerdu jew jinbidlu fi swali għad-divertiment waqt il-ħakma tad-dittatur li damet għal aktar minn erbgħin sena u sakemm Enver Hoxha miet, fl-1985.
Intant, iż-żjara tal-Papa Franġisku fl-Albanija inżammet taħt sigurtà kbira wara rapporti reċenti dwar theddid potenzjali fuq ħajtu min-naħa tal-militanti Iżlamiċi. Madankollu, l-Vatikan imminimizza l-għajdut dwar ‘kumplott tal-jihadisti’ fil-konfront tal-Papa.