Lokali

Il-Port il-Kbir mixgħul fl-anniversarju tal-50 sena sovrana

Għeluq il-50 sena ta’ Malta jintlaqa’ bi spettaklu ta’ dwal u logħob tan-nar fi-Port il-Kbir fil-qofol taċ-ċelebrazzjonijiet uffiċjali biex ifakkru l-Indipendenza ta’ Malta.

L-avveniment, li għalih il-mistieden tal-unur kien id-Duka ta’ Cambridge, il-Princep William, beda bi flypast minn tliet ajruplani segwit b’rapprezentazzjonijiet mużikali f’Ta’ Liesse, il-Belt.

Fil-Barrakka ta’ Fuq saru diskorsi qosra mill-Prim Ministru, mill-Princep William u mill-President ta’ Malta, li ntwerew fuq is-swar tal-Forti Sant’Anġlu u fuq screens f’Ta’ Liesse.

Il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li Malta indipendenti għamlet suċċess u kisbiet kbar. Hu stqarr li Malta u r-Renju Unit flimkien huma ugwali fil-familja internazzjonali ta’ nazzjonijiet.

Il-Princep William qal li hu ta’ unur għalih li jinsab Malta – gżira li hi tant maħbuba mill-Familja Rjali. Id-Duka ta’ Cambridge wassal messaġġ tar-Reġina Elizabetta li fissret lil Malta bħala pajjiż kburi u kunfidenti li għamel passi kbar ‘il quddiem. Il-Princep William wera apprezzament lejn il-poplu Malta għax hu mogħni b’ karatteristiċi kbar, fosthom dak tal-ospitalita’.

Il-President ta’ Malta Marie Louise Coleiro Preca qalet li mill-indipendenza sal-lum, l-infrastrutturi socjo-politici, ekonomiċi u kummerċjali nbidlu radikalment. Illum Malta hi membru fl-Unjoni Ewropeja, impenjata lejn Ewropa iżjed b’saħħitha u għal Mediterran aktar stabbli.

Il-Princep William imbagħad kixef irħama kommemorattiva u wara nghata bidu għal spettaklu ta’ dawl u logħob tan-nar impresjonanti fuq il-Port, segwit b’aktar diskorsi mill-għola awtoritajiet tal-pajjiż.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista u Kap tal-Oppozizzjoni Simon Busuttil qal li s-sovranità tatna l-muftieħ li bih stajna mbagħad nagħmlu l-għazliet kollha li ridna wara. B’dawn l-għażliet, sostna Simon Busuttil, tajna sovranità akbar lil kull Malti u Maltija. Għax it-tifsira vera tal-Indipendenza hi l-indipendenza ta’ kull wieħed u waħda minna, li nkunu aktar liberi fl-għażliet li nagħmlu.

Il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li l-50 anniversarju tal-indipendenza hu fost l-aktar mumenti li fih il-poplu jinsab magħqud, iħares lejn il-futur.

Bil-programm intemm bil-kant tal-Innu Malt.