Il-Jum tal-Indipendenza għandu jsir il-Jum Nazzjonali ta’ Malta. Dan ikun pass li tassew juri li s-sejħa għall-għaqda ma tkunx biss slogan iżda nwettquha fil-prattika. Dan ikun ġest li juri li tassew irridu nibnu l-għaqda fuq ir-rispett lejn il-verità. Dan qalu l-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil waqt ir-Riċeviment organizzat mill-PN fil-Festa tal-Indipendenza fi Ġnien l-Indipendenza f’Tas-Sliema.
Preżenti kien hemm Sandy Borg Olivier, l-uniku iben tal-eks Prim Ministru Ġorġ Borg Olivier li għadu ħaj, kif ukoll il-Viċi Kap tal-PN Mario de Marco, numru ta’ Deputati u Attivisti tal-PN. Simon Busuttil qal li l-istorja turina li l-PN qatt ma qata’ qalbu quddiem l-isfidi u dan hu t-timbru tal-PN, sostna Busuttil. Qal li l-PN huwa kburi bil-passat iżda mhux biss. Aktar minn hekk, il-PN hu determinat li jkun parti mill-futur. Il-PN kien fuq in-naħa t-tajba tal-istorja fil-passat u determinat li jkun fuq in-naħa t-tajba fil-futur.
Simon Busuttil tenna li matul din il-ġimgħa l-PN ħareġ ċar il-messaġġ li l-Indipendenza sarrafniha f’indipendenza personali ta’ kull wieħed u waħda minna. “Dan għamilnieh billi użajna ċ-ċavetta tal-Indipendenza biex nagħtu indipendenza lin-nies f’termini politiċi, demokratiċi, ekonomiċi, soċjali u anki kulturali. U dik għandha tibqa’ l-ambizzjoni tagħna, li naħdmu biex kull persuna tilħaq il-milja tagħha, l-Indipendenza tagħha”, qal Busuttil.
Il-Kap tal-Oppozizzjoni qal li nistgħu nimxu ħafna jekk nimxu flimkien. Tenna li hemm ħafna punti li żgur naqblu fuqhom, li fuqhom aħna magħqudin u li għandna nittraduċuhom f’ħidma flimkien.
//= $special ?>