Il-Gvern u l-poplu tal-Kenja fakkru l-ewwel anniversarju mill-attakk terroristiku fuq iċ-ċentru kummerċjali ta’ Westgate, f’Nairobi, li kien ħalla talanqas sebgħin mejtin.
L-attakk kien twettaq mill-militanti Iżlamiċi tal-grupp Somalu Al-Shabab u l-awtoritajiet f’Najrobi, fi tmiem il-ġimgħa, organizzaw sensiela ta’ avvenimenti solenni għal dan l-anniversarju iswed.
L-attakk ta’ sena ilu wassal għal assedju mill-qawwiet tas-sigurta Kenjani fuq it-terroristi ta’ Al-Shabab li kienu magħluqin fl-istess kumpless fejn wettqu l-massakru tal-innoċenti. L-assedju kien dam għal erbat ijiem u bil-filmati tas-CCTV (fil-kumpless) juru l-għexieren ta’ ċivili mwerwrin jippruvaw ifittxu l-kenn huma u jaħarbu lill-aggressuri.
Kelliema għall-grupp Al-Shabab qalu, wara, li kienu wettqu dan l-attakk bħala ritaljazzjoni kontra l-Kenja u meta l-Kenjani kienu għaddejjin bl-azzjonijiet militari fit-territorji tas-Somalja.
Qabel dan l-anniversarju, il-Kenja kienet fuq stat ta’ alert għoli fost l-inkwiet dwar xi attakk potenzjali mill-militanti bbażati f’artha. Il-Pulizija Kenjana qalet li kienet lesta ‘għal kull eventwalita’ u meta l-iskwadri tas-sigurta żammew preżenza fid-diversi zoni strateġiċi ta’ Nairobi, u bl-awtoritajiet lokali jiddeċiedu biex jintensfikaw il-patrols fl-inħawi.