“Din is-sena, iċ-ċelebrazzjoni tal-Indipendenza tieħu valur partikulari għax qegħdin niċċelebraw il-ħamsin sena minn mindu l-Poplu tagħna ħa f’idejh it-tmexxija ta’ pajjiżu. Hu unur għall-Poplu tagħna li minn mindu beda jmexxi lilu nnifsu għamel passi ta’ ġgant”, dan kien il-ftuħ tal-omelija tal-Arċisqof Pawlu Cremona O.P. waqt il-quddiesa Pontifikali ta’ Jum l-Indipendenza fil-Kon-Katidral ta’ San Ġwann.
“Ġimagħtejn ilu, fl-okkażjoni tal-Festa tal-Vitorja, jien appellajt għall-għaqda nazzjonali li tinbena fuq il-ġustizzja, is-solidarjetà u s-sussidjarjetà. Filwaqt li ntenni li jekk ma nkunux ħaġa waħda ma nistgħux nimxu ’l quddiem, nemmen ukoll li l-fedeltà tal-Poplu tagħna lejn it-twemmin reliġjuż tiegħu hija s-sisien tal-għaqda tal-Poplu u tal-progress li rnexxielu jilħaq. Għalhekk, mal-għaqda nazzjonali nappella wkoll biex il-Poplu tagħna jibqa’ fidil lejn it-twemmin tiegħu.”
Huwa qal li l-Indipendenza tatna l-liberta’ li konna neħtieġu biex inkunu nistgħu nimxu ‘l quddiem. Imma għalina l-Indipendenza ma tfissirx iżolament. L-Arċisqof qal li mill- bidu tal-Indipendenza tagħna, pajjiżna fittex li jibni relazzjonijiet diplomatiċi u kummerċjali ma’ pajjiżi oħra. Indunajna kmieni li aħna, minħabba ċ-ċokon u l-limitazzjonijiet tar-riżorsi ekonomiċi ta’ pajjiżna, ma nistgħux nimxu ’l quddiem waħedna. Ir-relazzjoni, min-natura tagħha, titlob interdipendenza. Huwa qal li f’relazzjoni trid tieħu u tati, għax jekk tkun min-naħa waħda biss, ma tkun relazzjoni xejn, u tkun qed tati lok għall-periklu ta’ ħakma ġdida, din id-darba mhux politika, imma ekonomika.
“Bħala Poplu matur li qed jgħix f’pajjiż żviluppat, u bħala Nsara, ma nistgħux nagħlqu għajnejna għal dak li qed jiġri madwarna u nsoddu widnejna għall-għajta tal-ħniena ta’ dawn il-bnedmin ħutna, kemm f’pajjiżna, kif ukoll barra minn Malta.”
Huwa ħeġġeġ li naħsbu f’dawk li jiġu mkeċċija minn arthom jew ikollhom jaħarbu minn pajjiżhom minħabba l-persekuzzjoni. Għal dawk li m’humiex indipendenti, iżda mhux għax ma jridux huma iżda għax ma jistgħux.
“F’isem l-interdipendenza, hawn nixtieq nistaqsi bl-umiltà kollha: x’qed tagħmel l-Unjoni Ewropea u x’qed jagħmel pajjiżna fil-fora internazzjonali biex l-problema ta’ dawk li qed jiġu ppersegwitati u mkeċċija minn pajjiżhom tiġi affrontata konkretament u adegwatament. Għax m’għandux ikun li pajjiżna, pajjiż nisrani, isemma’ leħnu kemm fl-Unjoni Ewropea u kemm f’fora oħra internazzjonali biex il-karba ta’ dawn in-nies tiġi mismugħa u jiġu mħarsa d-drittijiet fundamentali tagħhom?”
Huwa qal li din hi karba ferm differenti mill-karba ġusta li Pajjiżna spiss jagħmel, li ċ-ċokon tagħna ma jiflaħx għan-numru kbir ta’ emigranti li jsibu ruħhom hawn Malta.
Huwa kompla l-omelija billi qal li hemm ħafna jaħarbu minn pajjiżhom minnħabba l-faqar u l-miżerja u jkunu qed ifittxu futur aħjar. Futur li aħna għandna minħabba x-xogħol siewi ta’ missirijietna iżda dawn m’għandhomx.
L-Arċisqof irringrazzja lil dawk li fuq livell politiku u soċjali qed jagħmlu minn kollox biex joffru lil dawn ħutna opportunitajiet ħalli jassiguraw futur aħjar għalihom u għal uliedom. Appella biex aħna bħala poplu nisrani nirrispettaw id-dinjità umana.
Huwa għalaq l-omelija tiegħu b’dawn il-kliem: “Ejjew, bil-għajnuna t’Alla, nersqu aktar lejn xulxin, personalment, soċjalment, politikament u fuq livell internazzjonali, biex il-ħamsin sena li ġejjin ikunu aħjar minn dawk li għadhom kemm għaddew. Aħna li qed ingawdu l-frott ta’ Poplu indipendenti, ningħaqdu bejnietna għall-ġid ta’ kulħadd, Maltin u dawk li jgħixu lil hinn minn xtutna, għax aħna lkoll ulied Alla.”
Ritratt mid-DOI: Pierre Sammut
//= $special ?>