Kaċċatur Awstraljan qal li rnexxielu jsalva b’ħajtu wara li spiċċa attakkat minn kukkudrill feroċi, u wara li hu ‘ġietu f’moħħu li jagħti daqqa lill-kukkudrill f’għajnejh’.
Stephen Moreen, li għandu 20 sena, irrakkonta li mumenti qabel l-attakk hu kien niżel fi xmara biex jaqbad genduż li kien spara għalih u li kien niżel qrib tiegħu. Kien proprju dak il-ħin li l-kukkudrill tela’ fil-pront minn taħtu u kaxkru miegħu taħt l-ilma.
Madankollu, il-kukkudrill telaq lil Moreen wara li r-raġel xejjirlu daqqa direttament f’għajnejh, u l-mossa bla dubju salvat lill-kaċċatur, peress li kuġinuh, li nzerta fl-istess inħawi, seta’ jispara tiri fatali lejn dan ir-rettil, li kien twil aktar minn żewġ metri.
L-inċident seħħ f’Peppimenarti, lejn il-Lbiċ ta’ Darwin, u Stephen Moreen aktar tard ammetta li hu kien ‘xi ftit fis-sakra’ fil-ħin meta hu spiċċa wiċċ imb wiċċ mal-mewt.
Wara din l-esperjenza kerha, Moreen reġa’ xorob il-birra ‘biex forsi ma jħoss daqstant l-uġigħ’ mill-ġrieħi li ġarrab waqt it-taqtigħa mal-kukkudrill u waqt li hu kien qed jistenna għall-ambulanza. Hu minnu li dan ir-raġel spiċċa jsofri diversi grif madwar ġismu u fejn spiċċa wkoll bil-laħam ta’ dahru mċarrat.
Proprju x-xahar li għadda, sajjied kien spiċċa maqtul minn kukkudrill enormi wara li hu kien niżel fix-Xmara ta’ Adeleide, lejn in-Nofsinar ta’ Darwin.
L-ammonti tal-kukkudrilli fl-Awstralja żdiedu mindu huma kienu ddikjarati bħala speċi protetta fl-1971, u l-preżenza tagħhom hi komuni fiz-zoni tropikali lejn in-naħa ta’ fuq tal-pajjiż.