Lokali

FILMAT: Sitt persuni fi bżonn t’assistenza medika wara li ġew imsawta minn bouncers

Dik li kellha tkun ħarġa bejn grupp ta’ ħbieb f’Paceville fil-lejl ta’ bejn il-Ġimgħa u s-Sibt intemmet b’sitt persuni fi bżonn ta’ assistenza medika wara li allegatament ġew imsawta minn grupp ta’ bouncers, x’aktarx barranin.

Waħda mill-persuni li kienet f’dan il-grupp ta’ persuni t’eta’ bejn it-tletin u s-sitta u tletin sena, tkellmet ma’ dan l-istazzjon u spjegat dak li seħħ.

Spjegat kif għall-ħabta tas-sagħtejn ta’ filgħodu ħarġu minn stabbiliment tad-divertiment f’Paceville u poġġew fil-premises ta’ dan l-istabbiliment madwar mejda jixorbu flixkun vodka li xtraw mill-istess post. Imma meta riedu jidħlu lura fl-istess stabbiliment bil-flixkun tal-vodka li xtraw mill-istess post, inqala’ l-inkwiet.

F’daqqa waħda ma nafx minn fejn ġew ġew balla bouncers kollha minn kullimkien, kollha m’għola hawn u tgħidx x’xebgħa tawhom. Tliet kontra wieħed. Lil wieħed minnhom qabdulu wiċċu faqawulu mal-ħġieġ u spiċċa b’ħames punti f’geddumu. L-ieħor tawh xebgħa banketta u farrkuh mal-art għax lanqas waqfu jtuh sakemm ma ċċaqlaqx iktar. Kuġinuwi ieħor li mar biex jifred tah daqqa ta’ ponn u faqawlu għajnejh.

Ir-raġel tiegħi li naqra qawwi damu naqra biex niżżluh. Kif raw li l-oħrajn niżżluhom u lir-raġel tiegħi le daru kollha kontrih u jaqla’. Prova jaħrabilhom, qabduh, tefawh mal-art u jtuh ta’ kemm alla ħalaq mal-art. Biex waqfu jtuh imteddejt jien b’ruħu u ġismi jien f’nofs ta’ triq u qlajt daqqa waħda.

Kompliet tgħidilna li sakemm waslu l-Pulizija dawn il-bouncers kollha sparixxew bil-Pulizija jinfurmawhom li ma jistgħu jagħmlulhom xejn jekk ma jidentifikawhomx.

Ma talbux għall-owner. Xejn ma talbu. Kont nibqa’ hemm sakemm jiġi l-owner u jtini l-ismijiet tal-bouncers li qed iħaddem.

Huma ttieħdu lejn il-poliklinika tal-Mosta fejn ingħataw l-attenzjoni medika li kellhom bżonn.

Intant dan l-istazzjoni jinsab infurmat li fil-lejl ta’ bejn is-Sibt u l-Ħadd seħħet ġlieda oħra kbira f’San Ġiljan, quddiem lukanda ewlenija, li nvolviet madwar seba’ żgħażagħ u xufier.