Fil-Palazz Presidenzjali l-Belt, ilbieraħ filgħodu saret ċerimonja li fiha ngħatat Midalja biex tikkommemora l-50 Anniversarju mill-Indipendenza ta’ Malta nhar il-21 ta’ Settembru 1964.
14-il persuna rċevew il-Midalja waqt din iċ-ċerimonja. Fosthom il-Prim Ministru Joseph Muscat, Presidenti Emeriti u eks Prim Ministri ta’ Malta.
Din il-midjala tista’ ingħatat lill-persuni wara l-mewt ukoll, fosthom lill-eks Prim Ministru ta’ Malta Ġorġ Borg Olivier.
Waqt diskors tal-okkażjoni, il-President ta’ Malta, Marie Louise Coleiro Preca, qalet li l-Indipendenza li pajjiżna kiseb 50 sena ilu għadha rilevanti sal-ġurnata tal-lum.
Din hi okkażjoni biex napprezza il-progress li għamlet Malta, matul l-aħħar 50 sena. Minn ekonomija bbażata fuq il-militar Ingliż għal waħda bbażata fuq is-servizzi finanzjarji u t-turiżmu.
Il-President sostniet li pajjżna jrid jibqa’ jaħdem biex il-valuri tal-libertà, d-demokrazija u s-saltna tad-dritt jibqgħu jirrenjaw.
Ir-regoli dwar il-Midalja għall-50 Anniversarju mill-Indipendenza ta’ pajjiżna jistabbilixxu li l-għotja tkun b’effett mill-21 ta’ Settembru 2014 u li l-midalja tingħata lil persuni li, matul dawn il-50 sena, taw is-sehem tagħhom fl-iżvilupp u t-tkabbir tal-ġid ta’ Malta bħala nazzjon u membru tal-komunità internazzjonali tan-nazzjonijiet.