Għawdex Kultura Lokali

Appelli għall-prudenza fiż-żona tal-monument tas-Salvatur

Iż-żona li tagħti għall-monument tas-Salvatur, f’Marsalforn, għandha tiġi aċċessata l-anqas possibbli f’dan il-perjodu ta’ xogħolijiet ta’ restawr fuq il-monument.

Dan l-appell għamlitu l-għaqda Wirt Għawdex, anke biex ikunu segwiti l-istruzzjonijiet tal-persuni inkarigati mix-xogħolijiet li qed isiru. L-għaqda fakkret kif fiż-żona hemm tabelli ta’ “No Entry” u oħrajn li indikaw żona perikoluża (“Danger Zone”).

Wirt Għawdex fakkret ukoll li hu assolutament mhux permessibbli li jsir tlajjar mal-istrutturi ta’ scaffolding li qed idawwru l-monument. B’hekk, saħqet l-għaqda, ikun assigurat li ħadd ma jkun fil-periklu.

L-għaqda qalet li jekk ikun innutat xi ħadd li jmur kontra dawn ir-regoli, jiġi rrappurtat immedjatament lill-Pulizija.