Lokali

‘Car Free Day’ tisfaxxa fix-xejn minħabba nuqqas ta’ barrikati

Dik li kellha tkun il-Car Free Day organizzata mill-Gvern, sfrattat fix-xejn hekk kif jidher li t-triq li kellha tingħalaq bħala parti mill-attività ma ngħalqitx jew ingħalqet biss għal ftit metri. It-triq li kellha tingħalaq hi Triq Sant’Anna fil-Furjana, fejn tpoġġew barrikati tal-ħadid kif taqbeż it-traffic lights fil-karreġġjata li tagħti lejn il-Belt.

L-intenzjoni tal-barrikati kienet li l-karreġġjata tibqa’ magħluqa sa tmiem it-triq u ma tintużax għal-lum. Madankollu, jirriżulta li s-sewwieqa malajr sabu mod kif iduru litteralment mal-Car Free Day. Il-vetturi bdew iduru lejn Triq Sarria, fuq il-lemin għal fuq Triq San Publiju u mal-ewwel triq fuq il-lemin għal Triq San Tumas, biex jerġgħu joħorġu lura għal Triq Sant’Anna.

Il-viżitatur ta’ MaltaRightNow.om li bagħatilna dan ir-ritratt qal li fil-ħin li ħa r-ritratt fi Triq Sant’Anna ma kienx hemm Pulizija, bir-riżultat li t-triq kompliet tintuża’ mis-sewwieqa b’mod normali, minkejja li suppost kellha tingħalaq kollha għall-Car Free Day.