Qorti

Diskuss patteġjament fil-każ ta’ frodi fil-konfront ta’ żewġ uffiċjali tal-Air Traffic Services

Possibilita’ ta’ patteġjament fil-każ ta’ żewġ uffiċjali tal-Air Traffic Services, mixlijin bi frodi li jammontaw għal madwar €150,000. Il-każ ġie differit għal tliet ġimgħat oħra.

Dan seħħ peress li bħalissa għaddejjin diskussjonijiet bejn id-difiża u l-Avukat Ġenerali dwar patteġjament, dwar l-ammont ta’ flus involuti f’dan il-każ. Min-naħa tiegħu, l-Avukat Stephen Tonna Lowell talab li jkun hemm differiment qasir.

Għaldaqstant, il-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Aaron Bugeja iddifferiet il-każ għas-27 ta’ Ottubru li ġej. F’dan il-każ Lawrence Fenech u Ian Falzon qed jiġu akkużati bi fordi u miżapproprjazzjoni ta’ fondi pubbliċi ta’ madwar €150,000.

Huma kienu tressqu l-Qorti aktar kmieni din is-sena wara investigazzjoni li saret mid-Dipartiment tal-Internal Audit fl-2011. Dak iż-żmien dan ir-rapport għalkemm kien wera diversi nuqqasijiet.

Il-Prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Ispettur Ian Abdilla, filwaqt li għall-imputati qed jidher l-Avukat Stephen Tonna Lowell. Qed jiġiallegat li Falzon u Fenech b’card tal-visa tal-Gvern xtraw ħwejjeġ, marru fuq kruċieri, ħallsu kontijiet kbar f’ristoranti, għamlu xirjiet ta’ affarijiet tal-ikel, u xtraw ġojjelli u mobiles għal familji tagħhom. Jirriżulta li, f’sena waħda, huma nefqu €92,000.

Fost ħafna nuqqasijiet oħra, ir-rapport tal-IAID kien sab ukoll li l-MATS fl-2011 kienu xtraw diversi settijiet tat-televiżjoni. Madankollu ma nstabet l-ebda informazzjoni ta’ kemm inxtraw settijiet tat-televizjoni, jew fejn kienet saret id-delivery tagħhom. Dan kien qajjem dubji serji jekk dawn is-settijiet ta’ televiżjoni kienux fil-fatt inxtrawx għall-organizzazzjoni.