L-aqwa ċelebrazzjoni li tista’ ssir tal-50 anniversarju tal-Indipendenza hi dik li tagħti r-raġun lil min tassew għandu raġun, f’politika ta’ raġuni flok ta’ partiġġjaniżmu.
Ir-raġun lil Jum li kien imkażbar u mżeblaħ
Jum l-Indipendenza għal ħafna snin kien imkażbar u mżeblaħ u mneħħi anke minn festa pubblika. Imma r-raġun fl-aħħar jirbaħ għax kien ċar għal kulħadd u dejjem li meta ksibna s-sovranità ksibna ċ-ċavetta li biha stajna niftħu kull bieb li ftaħna wara.
33 sena biex il-Partit Laburista ta raġun lill-Partit Nazzjonalista
Il-Partit Laburista dam 33 sena biex ta raġun lill-Partit Nazzjonalista fuq l-Indipendenza. Kien biss fl-1997 li Gvern Laburista għall-ewwel darba ċċelebra Jum l-Indipendenza bħala festa nazzjonali. Ir-raġun dejjem kien hemm. Kien jonqos biss ir-raġuni biex ir-raġun jingħata lil min kien ħaqqu.
Festi u għaqda nazzjonali li jkomplu jikkonfermaw ir-raġun
Issa għadu kemm kellna festi li jkomplu jikkonfermaw ir-raġun tal-Indipendenza. Dawn il-festi saru f’għaqda nazzjonali bix-xieraq.
Għaqda li m’għandhiex tkun għad-dehra jew għall-mument
Imma, kif qal il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil waqt l-attività nazzjonali fil-lejl tal-Indipendenza fil-Port il-Kbir, l-għaqda ma tistax tkun għad-dehra jew għall-mument. Biex fi kwistjonijiet oħrajn ir-raġun ma jdumx jistenna 33 sena.
Magħqudin fuq ħafna prinċipji
Hemm ħafna kwistjonijiet li fihom ir-raġun hu ċar u żgur hawn qbil fuq il-prinċipji li qegħdin fil-kwisjtoni.
Trasparenza u drittijiet mill-aktar fundamentali
Kulħadd jaqbel li l-Gvern m’għandux jaħbi dak li jagħmel, imma jħaddem it-trasparenza u l-ftuħ. Żgur magħqudin fuq il-prinċipju li l-elezzjonijiet huma dritt mill-aktar fundamentali tan-nies, mhux pjaċir li jagħmlilna xi politikant.
Istituzzjonijiet indipendenti u spazji pubbliċi
Żgur hawn għaqda assoluta fuq l-idea li aħna lkoll indaqs f’pajjiżna u għandu jkollna istituzzjonijiet li jiddefenduna li jkunu indipendenti. Żgur kollha magħqudin wara l-prinċipju li spazju pubbliku għandu jibqa’ pubbliku ħalli ngawduh flimkien.
Ksur ta’ prinċipji fundamentali
Dawn il-prinċipji naqblu kemm naqblu fuqhom, ma jistgħux jibqgħu biss imniżżlin fuq biċċa karta, imma rridu nittraduċuhom f’azzjoni kuljum. U biex dawn il-prinċipji jinkisru, żgur m’hemm la raġuni u lanqas raġun, imma biss skużi.
Għaqda vera u għat-tul
L-għaqda sabiħa li rajna nhar is-Sibt filgħaxija ma tridx tkun għad-dehra u għal ftit imma tkun vera u għat-tul. Billi nħaddmu r-raġuni flok il-partiġġjaniżmu li ħela tant żmien lil dal-pajjiż, u billi nagħtu raġun lil min u fejn tassew hemm raġun.