Lokali

Ġenituri jilmentaw b’nuqqasijiet f’ħafna skejjel… fl-ewwel jum skolastiku

Diversi nuqqasijiet f’numru ta’ skejjel differenti madwar Malta u Għawdex ikkaraterizzaw l-ewwel jum tas-sena skolastika l-ġdida.

Fost l-iktar li spikkaw kien hemm rapport li rċieva dan il-ġurnal kien mingħand ġenituri li t-tfal tagħhom imorru l-iskola sekondarja ta’ Pembroke, li ilmentaw li meta t-tfal tagħhom marru biex jużaw it-toilets sabu ma wiċċhom ħmieġ li jidher li kien ilu hemm.

Każ ieħor li spikka joħodna fl-iskola sekondarja fil-Kulleġġ Santa Tereża f’Birkirkara, fejn rapporti li rċevejna jgħidu li hekk kif spiċċat l-iskola, it-tfal tħallew jistennew siegħa u tlett kwarti jistennew sakemm fl-aħħar, il-ġenituri ġew infurmati li trasport lura d-dar ma kienx se jiġi provdut.

Dan il-ġenitur ikkummenta li mhux sew li ma jkunx provdut trasport, speċjalment fl-ewwel jum tal-iskola, filwaqt li saħaq li ġenituri bla mezz ta’ trasport jispiċċaw lampa stampa.

Ġenitur ieħor ilmenta li tfal fl-iskola tal-Furjana saħansitra l-anqas ‘toilet paper’ ma sabu meta kellhom bżonn.

Dawn il-kumment, li jirriflettu saħansitra oħrajn li rċieva dan l-istazzjon, jikkuntrastaw mal-istampa li ta l-Ministru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol Evarist Bartolo, li t-Tnejn filgħodu żar l-iskola sekondarja fir-Rabat, parti mill-Kulleġġ ta’ San Nikola u qal kemm intefqu flus fuq xogħol li sar fl-iskejjel, fejn semma ċ-ċifra ta’ €7 miljun f’xogħol li sar das-sajf.

Sal-ħin li kkummenta ma’ dan il-ġurnal, skont il-Ministru Bartolo ma kienx hemm problemi fl-ewwel jum tas-sena skolastika u qal li jinsab f’kuntatt mal-uffiċju tiegħu biex jekk ikun xi problemi, l-Ministru jkun infurmat, iżda sal-ħin li ta dan il-kumment, il-Ministru qal li ma kienx hemm problemi kbar.

Hu temm jgħid li fl-aħħar tal-jum ikun jaf bl-istampa ġenerali ta’ kif mar u marx l-ewwel jum tas-sena skolastika l-ġdida.