Internazzjonali Lokali

Ir-Reġina u tliet Eredi għat-Tron mistennija Malta għaċ-CHOGM 2015

Ir-Reġina tal-Ingilterra Eliżabetta II mistennija tmexxi żjara b’numru ta’ membri mill-Familja Rjali għal-laqgħat tal-Mexxejja tal-Istati tal-Commonwealth (CHOGM), li se jsiru f’pajjiżna f’Novembru 2015. Is-sit elettroniku ta’ Daily Mail żvela li r-Reġina Eliżabetta II mistennija tkun akkumpanjata mit-tliet Eredi għat-Tron, jiġifieri l-Prinċpijiet Karlu, William u anke t-tarbija George.

Jekk dan iseħħ, din se tkun l-ewwel darba li l-Kap tal-Monarkija u t-tliet eredi tagħha jkunu siefru flimkien. Fl-edizzjoni taċ-CHOGM tal-2013, ir-Reġina ma kinitx attendiet għal-laqgħat fi Sri Lanka u minflokha mar il-Prinċep Karlu. Madankollu, ir-rapport ta’ Daily Mail jgħid li Uffiċjali f’Buckingham Palace ikkonvinċewha li l-vjaġġ ta’ madwar tliet sigħat lejn Malta jkun qisu vjaġġ intern fir-Renju Unit stess. Dan il-ħsieb jidher li kkonvinċa lir-Reġina biex isir dan il-pass.