Is-sieħeb ta’ omm it-tarbija, li għandu 27 sena u hu minn Ħaż-Żabbar, kien taħt l-effett tad-droga u kien għadu kif wasal mill-Festa ta’ Ħaż-Żabbar meta fit-12 ta’ Settembru li għadda heżżeż lit-tarbija ta’ 11-il xahar. Hu qal lill-Pulizija li garaha fil-kott b’mod vjolenti u t-tifla spiċċat b’feriti gravi f’diversi partijiet ta’ ġisimha, fosthom fl-iskutella ta’ rasha. Hu stess ammetta mal-Pulizija li dakinhar abbuża mid-droga kokaina u ħaxixa, kif ukoll li kien fis-sakra.
Meta ġie interrogat għall-ewwel darba mill-Pulizija, hu kien waħħal fis-sieħba tiegħu li kienet heżżet lit-tifla, iżda fit-tieni stqarrija u wara konfront li sar bejnu u s-sieħba tiegħu fil-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija, ammetta li kien hu li heżżeż lit-tarbija għax bdiet tibki u ma riditx tieqaf. Irriżulta wkoll li t-tifla kienet ilha b’saqajha miksura għal erbat’ijiem sħaħ.
Waqt il-kumpilazzjoni ħareġ ukoll li s-sieħba tal-akkużat uriet filmat minn fuq il-mobile tagħha, li wera lis-sieħeb tagħha fis-sakra u li kien taħt l-effett tad-droga. Il-filmat inġibed waqt il-Festa ta’ Ħaż-Żabbar. Wara li l-Maġistrat Claire Stafrace Zammit semgħet ix-xhieda min-naħa tal-Prosekuzzjoni, iddikjarat li hemm biżżejjed provi biex iż-żagħżugħ Żabbari jitqiegħed taħt att ta’ akkuża. Hu mifhum ukoll li l-akkużat se jgħaddi ġuri dwar il-każ.
Sadanittant, bdiet ukoll il-kumpilazzajoni tas-sieħba tal-akkużat, li hi mixlija b’abbundan ta’ uliedha, jiġifieri l-vittma u ż-żewġ ħutha subien ta’ seba’ u erba’ snin rispettivament. Hi dejjem qalet li ma kinitx taf x’ġara dakinhar, iżda taf li s-sieħeb tagħha ġieli mmaltratta lil bintha.
It-tarbija tinħareġ mit-Taqsima tal-Kura Intensiva
It-tarbija, li meta seħħ il-każ kienet ċertifikata li tinsab fil-periklu li titlef ħajjitha, issa ħarġet mit-Taqsima tal-Kura Intensiva, anke jekk għadha rikoverata l-Isptar Mater Dei bil-qagħda tagħha hi waħda stabbli. Qabel bdew jinstemgħu x-xhieda mill-Prosekuzzjoni, l-Avukat Michael Tanti Dougall, li flimkien ma’ Rebekah Tanti Dougall qed jidher għas-sieħba tal-akkużat, staqsa jekk hemmx id-divjet fuq l-ismijiet wara li stazzjon televiżiv ġab filmat tar-residenza fejn joqgħodu l-akkużati u l-vittmi fil-Ħamrun.
L-Avukat Tanti Dougall qal li l-inkwiet tiegħu hu li t-tfal jistgħu jiġu bullied. Min-naħa tagħha, il-Qorti ordnat divjet tal-pubblikazzjoni tal-ismijiet u ritratti, filwaqt li qalet li m’għandux ikun hemm referenza diretta jew indiretta biex tiġi ssalvagawrdjata l-identità tal-minuri.
Fil-kumpilazzjoni xehdet l-ewwel l-Ispettur Edel Mary Camilleri, li qalet li dan il-każ seħħ fit-12 ta’ Settembru li għadda. Spjegat li ġiet infurmata mis-Supretendent Carmelo Bartolo biex tmur l-Isptar għax iddaħħlet tifla ta’ 11-il xahar li kienet qed issofri minn feriti f’rasha. It-tarbija, li ddaħħlet mill-ġenituri tagħha għall-ħabta tas-7am permezz ta’ Ambulanza, hi bint l-imputata u hi mniżżla bħala “missier mhux magħruf”.
L-Ispettur Camilleri qalet li qrib it-tarbija kien hemm ommha u s-sieħeb, li hu l-akkużat u meta tkellmet mas-Social Workers tal-Isptar, kienet infurmata li kellhom każ li kien qed jiġi segwit miċ-Child Protection Unit għax ftit qabel kellhom rapport dwar it-tlett itfal tal-imputata, fosthom tnejn li missierhom hu magħruf. Qalet li ġie infurmat immedjatament l-Ispettur Chris Pullicino u s-Supretendent Carmelo Bartolo, li marru fil-post. Meta marret tara lit-tifla, instab li kienet qed issofri minn tbenġil kbira f’rasha għax kellha wkoll ksur antiki. L-aktar ksur riċenti deher li seħħ ftit qabel, tant li t-tarbija kienet kważi mhux konxja.
Ix-xhud kompliet tgħid li fiżikament it-tarbija kellha sieqha tal-lemin fil-ġibs u kienet minfuħa ħafna, bit-Tobba jgħidu li kellha ksur. Fis-sieq tax-xellug kellha tbenġil fuq l-irkoppa, filwaqt li kellha riħa ta’ qrusa u taħt id-dwiefer kien maħmuġ. Qalet li x’ħin dan kollu, infurmat lill-Maġistrat tal-għassa Charmiane Galea, fejn kienet infurmata li dawn it-tipi ta’ ksur ma kienux aċċidentali. Minħabba li l-imputata kellha xi wlied oħrajn, li setgħu kienu f’riskju, l-inkjesta ġiet estiża wkoll fuq iż-żewġt itfal l-oħrajn.
Spjegat li ż-żewġt itfal kellhom riħa tinten u d-dwiefer maħmuġin, b’sinjal ċar ta’ nuqqas ta’ indafa u iġjene. L-Iskwadra tal-Kontra l-Vizzji marru fil-post fejn kienet qed tgħix l-omm u s-sieħeb tagħha, fejn sabu ħafna ħmieġ. Il-post kien ilu ma jitnaddaf u kien hemm ħafna oġġetti jiġru mad-dar. L-Ispettur Camilleri qalet li fil-kċina kien hemm mejda baxxa u sikkina. Mill-post ġew elevati wkoll xi mobiles u stilla tal-plastik, li kienet ġugarell u li l-omm qalet li l-feriti tat-tifla kienu kkawżati mill-istilla għax xi ħadd mit-tfal ħabbatilha fuq rasha.
Ittieħdu l-istqarrijet tal-imputati, li fihom ix-xhud qalet li ma kinitx preżenti iżda taf li l-akkużat kien qed jiġi mitkellem mill-Ispettur Pullicino. L-imputat ta r-rakkont tiegħu bil-ġurament quddiem il-Maġistrat tal-Inkjesta, fejn qal li fil-ġurnata ta’ qabel hu u s-sieħba tiegħu għamlu ġurnata bit-tfal magħhom. L-akkużat qal li daħlu d-dar fil-5am u li l-feriti tat-tarbija ġew ikkawżati mill-omm. L-Ispettur Camilleri qalet li sar konfront bejn il-koppja, fejn hu rrepeta dak li kien qal qabel iżda hi qalet li ma kinitx hi li kkawżat il-feriti. Qalet li ma kinitx taf bil-ksur maġġuri li t-tarbija kellha f’rasha.
Fil-konfront, l-imputat beda jgħid li kienet is-sieħba tiegħu li xxejkjat lit-tarbija, filwaqt li hi sostniet li li l-imputat ġieli kien vjolenti mat-tifla bil-mod kif jieħu ħsiebha. Wara, l-akkużat qal li kien ħa ġurament falz għax kien hu li kkawża l-feriti fuq it-tarbija tas-sieħba tiegħu. Spjega li meta waslu d-dar kien qabdu l-ġuħ, intefa fuq is-sodda u bagħat lis-sieħba tiegħu biex tippreparualu xi ħaġa tal-ikel. It-tifla bdiet tolfoq. Mar jara x’għandha, refagħha mill-kott, ixxejkjaha u xeħitha bil-goff fil-kott. It-tarbija ħabtet rasha mal-kott u bdiet tibki, u hu niżel jiġri isfel ħdejn is-sieħba tiegħu.
Għadda ftit tal-ħin u s-sieħba marret tara t-tifla kif inhi u ċemplet għall-Ambulanza għax it-tifla bdiet tħarħar. Qam battibekk għax hu ma ridhiex iċċempel għall-Ambulanza. Fl-interrogatorju, li sar l-għada li seħħ il-każ, l-imputat qal li kien taħt l-effett tad-droga waqt li kien il-Festa ta’ Ħaż-Żabbar.
Wara, xehed ukoll l-Ispettur Chris Pullicino, li qal li fit-12 ta’ Settembru kien ġie infurmat li ddaħħlet tarbija l-Isptar. L-informazzjoni kienet tgħid li t-tifla kienet fil-periklu tal-mewt. Tenna li mar l-Isptar, fit-Taqsima tal-Emerġenza, u baqa’ dieħel ħdejn it-tarbija. Mill-ewwel stabilixxa li t-tarbija kellha ammont ta’ ksur fl-iskutella ta’ rasha, kif ukoll sieq miksura. Kienu għamlulha l-ġibs f’sieqha u kellha wkoll tbenġil fl-irkoppa l-oħra. Qal li omm it-tifla kienet fil-kuridur mas-sieħeb tagħha u meta mar ħdejhom sabhom reqdin fuq spallejn xulxin.
Ix-xhud qal li talab għal X-Rays u t-Tabib qallu li partijiet mill-iskeletru tar-ras kienu miksurin. Qal li l-ksur seta’ sar f’aktar minn okkażjoni waħda. Il-ksur fis-sieq kien ilu hemm, tant li kellha bżonn operazzjoni biex l-għadma teħel sew. L-Ispettur Pullicino qal li l-Pulizija tkellmet ukoll maż-żewġ ulied l-oħrajn, li kienu għand missierhom, qabel ma ż-żewġ akkużati ttieħdu d-Depot, ġew mitkellma separatament umbagħad arrestati.
L-Ispettur Pullicino rrepeta d-dettalji li l-Ispettur Camilleri tat dwar l-interrogazzjonijiet. Hu kkonferma wkoll li fil-post fejn kienu joqgħodu l-koppja u wliedhom kien hemm ħmieġ kbir, inkluż ħmieġ tal-annimali.
Għall-akkużat deher l-Avukat tal-Għajnuna Legali Joe Mizzi. Il-każ se jkompli fil-konfront tal-koppja fit-30 ta’ Ottubru li ġej.
Wara li l-Magistrat Stafrace Zammit semgħet il-provi fl-ewwel jum tal-kumpilazzjoni, ddikjarat li jeżistu biżżejjed provi biex l-akkużat jitpoġġa taħt att ta’ akkuża.
//= $special ?>
