It-Teatru Astra, se jkun qed jorganizza t-13-il edizzjoni ta’ Festival Mediterranea, b’serje ta’ kunċerti u avvenimenti kulturali bejn it-23 ta’ Ottubru u l-24 ta’ Novembru 2014.
Ic-Chairman ta’ Festival Mediterranea Michael Formosa qal f’konferenza ta’ l-aħbarijiet li l-idea wara dan il-festival hi li minbarra li tittella’ produzzjoni artistika, se jsiru avvenimenti oħrajn biex il-kultura f’Għawdex tistagħna.
Fost dawn se jkun numru ta’ chamber concerts, se tittella’ l-opra Nabucco ta’ Verdi u taħditiet dwarha, kif ukoll id-dramm Doubt ta’ John Patrick Shanley li se jittella’ nhar is-Sibt 23 u l-Ħadd 24 ta’ Novembru fis-7 p.m.
Id-Direttur Artistiku tal-Festival, il-Maestro Joe Vella fisser kif in-Nabucco ta’ Verdi hi kapulavur ta’ bel canto minn solisti u fl-istess hin hi festa korali.
Hu qal li għal din l-opra, li diġa’ saret għaxar snin ilu, se jiġu 600 Ġermaniż biex jarawha. Il-kor mhux se jkun magħmul biss minn kantanti liriċi Maltin u Għawdxin, imma wkoll minn għaxar professjonisti Taljani.
L-opra se tittella’ nhar il-Ħamis 23 u s-Sibt 25 ta’ Ottubru fis-7.30 p.m.
Il-Ministru għat-Turiżmu Edward Zammit Lewis qal li festival bħal dan jgħin biex jitkattru kemm it-turiżmu kif ukoll l-ekonomija f’Għawdex fix-xhur kwieti tax-xitwa. Edward Zammit Lewis saħaq li l-gvern qed jibni fuq dak li ħalliet l-amministrazzjoni preċedenti filwaqt li joħloq proġetti oħrajn b’għan turistiku.
Ic-Chairman ta’ Bank of Valletta John Cassar White qal li l-Bank għandu għal qalbu l-qasam kulturali għax dan ukoll jistimula l-ekonomija lokali.
//= $special ?>