Il-pulizja ta’ Mersyside qalet li qed tinvestiga abbuż razzjali mibgħut lill-attakkant ta’ Liverpool Mario Balotelli fuq twitter.
It-Taljan irċieva l-abbuż wara li kiteb fuq twitter ‘Man Utd… LOL’ waqt it-telfa xokkanti ta’ United 5-3 kontra Leicester il-Ħadd.
Il-messaġġ tal-plejer ta’ 24 sena kien moqri 150,000 darba u kellu serje ta’ messaġġi abużivi u razzisti.
Numru ta’ profili li minnhom intbagħtu messaġġi abużivi ġew magħluqa.
Il-pulizija qalet li l-ewwel trid tistabilixxi min bgħat il-messaġġi u minn fejn oriġinaw.
Il-grupp kontra d-diskriminazzjoni, bl-isem ta’ Kick It Out qal li persuni li wżaw media soċjali oħra nfurmaw b’dan l-abbuż diskriminatorju fuq l-eks plejer ta’ Manchester City.
“Nestendi l-appoġġ tagħna lejn Mario Balotelli wara l-abbuż indirizzat lejh. Sa minn meta rċevejna l-ilment irrapportajnih lil True Vision li hi l-faċilità online fejn wieħed jirrapporta lill-pulizija. Matul l-istaġun 2013-14, 50% tal-ilmenti li twasslu lilna kienu relatati ma’ abbuż fuq media soċjali. Dan l-abbuż qed jikber u nħeġġu lil dawk li jsegwu l-media soċjali biex jinformawna meta jkun hemm dawn l-abbużi,” qal kelliem għal Kick It Out.
Balotelli li lagħab fit-telfa 3-1 ta’ Liverpool kontra West Ham is-Sibt, fil-passat kien ukoll fil-mira ta’ abbużi razzjali kemm mat-tim nazzjonali f’Mejju qabel it-Tazza tad-Dinja kif ukoll meta kien ma’ Inter u Milan.
//= $special ?>

