Dan is-sit jinsab infurmat li kmieni t-Tnejn filgħodu, il-Pulizija arrestat persuna jew persuni b’rabta mal-protesta li saret il-Ħadd waranofsinhar mill-kaċċaturi fil-Belt Valletta.
Madwar mitejn kaċċatur inġabru l-Belt Valletta biex jipprotestaw għad-deċiżjoni tal-Gvern li jagħlaq l-istaġun tal-kaċċa b’effett immedjat. Il-Federazzjoni Kaċċaturi Nassaba u Konservazzjonisti (FKNK) fi stqarrija qalet li tagħmila ċara li hi ma organizatx il-protesta li saret minkejja li fl-opinjoni tal-FKNK, id-deċiżjoni tal-Gvern kienet waħda mgħaġġla u żbaljata.
Waqt il-protesta dehru ritratti b’kaċċatur saħansitra jidher ixejjer arma tan-nar fuq quddiem nett tal-protesta, u dan is-sit jinsab infurmat li l-arrest li għamlet il-Pulizija huwa marbut ma’ dan il-fatt.
Intat, fl-istqarrija maħruġa mill-FKNK intqal li l-Federazzjoni tikkundanna kwalunkwe’ vjolenza, kif ġiet irraportata, li setgħet saret b’konsegwenza ta’ din il-protesta. Dan b’rabta mar-rapporti li ħarġu li ġurnalist li kien qed jirrapporta l-protesta spiċċa biex qala’ daqqiet ta’ sieq minn xi kaċċaturi.
//= $special ?>