Internazzjonali

L-IS iħeġġeġ lis-segwaċi għall-qtil bl-addoċċ ta’ nies ċivili tal-pajjiżi kontrieh

L-Istat Iżlamiku (IS) ħareġ messaġġ fuq Twitter biex iħeġġeġ lis-segwaċi jibdew joqtlu bl-addoċċ lin-nies ċivili f’dawk il-pajjiżi li qed jipparteċipaw fil-ħidma militari kontrieh. Fil-mira ewlenija tal-messaġġ għal attakki kontra l-Amerikani u l-Ewropej, kien hemm partikolarment il-Franċiżi, iżda anke Kanadiżi u Awstraljani.

Sadanittant, kien żvelat li l-Pulizija Belġjana kixfet kumplott biex ikun attakkat il-bini tal-Kummissjoni Ewropea fi Brussell. Żewġ Olandiżi ta’ nisel Tork kienu arrestati u fl-appartment instabet ħażna ta’ splussiv u armi. Fil-Belġju hu stmat li madwar 400 Belġjan mar jiġġieled fis-Sirja u fl-Iraq mal-IS.

Fi żvilupp ieħor, fi tmiem il-ġimgħa f’Pariġi saret dimsotrazzjoni ta’ appoġġ mal-Insara ppersegwitati mill-militanti iżlamiċi fis-Sirja u l-Iraq. Dan filwaqt li matul il-fruntiera Torka mas-Sirja komplew jinġemgħu eluf kbar ta’ Kurdi, li wkoll jinsabu fil-mira tal-militanti iżlamiċi fis-Sirja.