Qorti

Radjografu mixli bi qtil involontarju f’inċident tat-traffiku fil-Coast Road ta’ Baħar iċ-Ċagħaq

Nicholas Schembri, ta’ 26 sena mill-Gżira u li jaħdem bħala Radjografu, qed jiġi mixli bil-qtil involontarju ta’ Taljan ta’ 37 sena wara inċident tat-traffiku li seħħ fis-27 ta’ Mejju 2013. Il-ħabta, li wasslet għall-mewt ta’ Orazio Maninnio, seħħet bejn vettura tat-tip Peugeot 207, misjuqa minn Schembri u li kienet sejra mid-direzzjoni ta’ Buġibba lejn St Andrew’s, u mutur misjuq mit-Taljan, li kien residenti San Ġiljan.

Il-proċeduri fil-konfront ta’ Schembri bdew jinstemgħu quddiem il-Maġistrat Aaron Bugeja wara li tressaq b’ċitazzjoni. Wara l-inċident, il-Maġistrat tal-għassa Miriam Hayman kienet ħatret diversi esperti biex jassistuha fl-inkjesta li ġiet appuntata. Wara li l-Pulizija lestiet l-investigazzjonijiet dwar il-każ, irriżultalha li kien hemm biżżejjed provi biex tressqu. Schembri, wieġeb mhux ħati wara li tressaq mill-Ispetur Josric Mifsud.

Xehdu l-Professuri Maria Therese Camilleri u Ali Salfraz, li qalu li fis-27 ta’ Mejju 2013 raw lill-vittma, li wara l-inċident kien qed isofri minn ammont ta’ ksur. Min-naħa tiegħu, it-Tabib Aaron Drago, li kien preżenti fid-Dipartiment tal-Emerġenza, qal li eżamina lill-pazjent li ddaħħal l-Emerġenza mejjet. Qal li t-Tobba għamlu diversi tentattivi biex iġibuh lura ħaj, iżda sfortunatament kien ġie ddikjarat mejjet fl-4.10pm.

It-Tabib Drago tenna li fuqu kienu jidhru feriti, fosthom tbenġil f’qaddu, ksur fil-polz tal-lemin u ksur ta’ żewġ għadmiet ta’ saqajh. Wara, xehed ukoll il-Perit Valerio Schembri, li għamel pjanta tal-post tal-inċident u rapport ta’ dak li ra. Il-każ ikompli fit-3 ta’ Ottubru li ġej.