25,531 student u studenta llum qed jirritornaw lejn il-bankijiet tal-iskola fl-Iskejjel tal-Gvern wara l-vaganzi tas-Sajf. Skont stqarrija mill-Ministeru tal-Edukazzjoni, dawn se jsibu jistennewhom 3,476 għalliem u 1,832 LSA.
Fi stqarrija f’isem il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Edukazzjoni, il-Partit Nazzjonalista awgura li din tkun sena ta’ suċċess għall-istudenti u għall-għalliema, kif ukoll għal kulmin hu nvolut fis-sistema edukattiva tal-istudenti Maltin u Għawdxin. L-istudenti huma l-futur tal-pajjiż, li jiddependi minnhom biex ikompli miexi ‘l quddiem.
Il-PN qal li hu għalhekk li l-edukazzjoni għandha tingħata prijorità minn kwalunkwe amministrazzjoni tal-pajjiż. Fakkar kif dejjem ħadem biex jassigura li l-futur tal-istudenti Maltin u Għawdxin ikun wieħed xieraq. Minkejja li l-istudenti jgħaddu minn ħafna sagrifiċċji, minħabba l-isfidi li jiffaċċjaw fl-istudju tagħhom, dak kollu li jagħmlu jkunu jistgħu jsarfuh f’dinja tax-xogħol li aktar ma jgħaddi żmien aktar qed issir kompetittiva.
Il-PN sellem lill-għalliema, li bix-xogħl siewi li jagħmlu b’sens ta’ responsabbiltà, jagħtu l-aqwa għarfien lil uliedna. L-għalliema u l-ħaddiema fil-qasam tal-edukazzjoni huma ħolqa essenzjali fl-iżvilupp ta’ kull student u studenta, temm jgħid il-PN.
//= $special ?>